Fl-aħħar jiem, madwar erbat elef membru tal-Partit Laburista rregolaw il-pożizzjoni tagħhom biex ikunu jistgħu jivvotaw fil-Kungress li se jeleġġi l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Dan hekk kif il-membri li għandhom sentejn nieqsa iżda ilhom membri mill-2015 jew qabel għandhom il-fakultà li jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom.
Joe Falzon, membru tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista stqarr kif intbgħatu numru ta’ ittri lil dawk li jistgħu jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom. Qed jintbgħatu wkoll in-notifiki tal-votanti lil dawk li għandhom id-dritt tal-bot diġà d-dritt tal-vot huwa diġa tagħhom
“Ħa nkunu qed nużaw ukoll dak li ngħidulu l-‘avviż il-votant’, f’dak li fil-liġi elettorali nsibuha bħala l-‘voting document’ tajjeb? Li importanti kull persuna li tmur biex tivvota tieħdu magħha. Fuq dak id-dokument għandek id-dettalji tiegħek personali inkluż l-ID card. Barra minn hekk għandek il-post tal-votazzjoni fejn trid tmur tivvota, kif ukoll il-mejda tal-votazzjoni.” Spjega Falzon
Il-Partit Laburista ħaseb biex ikun hemm 13-il post tal-votazzjoni, b’diversi mwejjed fuq kull post tal-post tal-votazzjoni skont il-lokalitajiet.
Il-votanti se jivvotaw fil-lokalità li fiha huma mniżżla bħala membri, u mhux fejn jgħixu. Kull votant irid jieħu miegħu xi forma ta’ identifikazzjoni.
“Wieħed irid ikun qiegħed jieħu wkoll il-mezz ta’ identifikazzjoni uffiċjali tal-Gvern. Qed nitkellmu jew ID card, jew passaport jew inkella liċenzja, għax dawk huma dokumenti uffiċjali tal-Gvern li fuqu inti għandek ir-ritratt. Mingħajr wieħed minn dawn inti ma tkunx tista’ tivvota.” Qal Falzon.
Fiż-żmien li ġej il-Partit Laburista se jħabbar diversi inizjattivi bl-għajnuna tal-kumitati lokali biex jgħinu lill-votanti jaslu sal-post tal- votazzjoni f’każi fejn hemm bżonn.