Eluf ta’ studenti rċevew ir-riżultati għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja, magħrufa bħala s-SEC u tal-Matrikola.
Dan wara li l-uffiċċju tal-MATSEC fl-Università ta’ Malta rċieva 5,077 applikazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC u 3,796 applikazzjoni għall-eżamijiet tal-Matrikola.
Kien proprju dalgħodu li eluf ta’ studenti bdew jirċievu r-riżultati tal-eżamijiet permezz ta’ SMS.
Mill-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju tal-MATSEC, mill-eżamijiet tas-SEC, is-suġġett tal-Malti ra persentaġġ ta’ 63.4% ta’ studenti li għaddew minn 3,744 applikazzjoni. Dan ifisser li 2,375 student kisbu riżultat ta’ Grad minn wieħed sa ħamsa.
Is-suġġett tal-Ingliż ra persetaġġ ta’ 73% ta’ studenti li għaddew, minn 4,241 student li applikaw. Dan ifisser li 3,095 student kisbu Grad ta’ bejn wieħed u ħamsa.
56% għaddew mill-eżami tal-Fiżika, minn 3,176 applikazzjoni; li jfisser li 1,783 student għaddew minn dan is-suġġett.
Il-Matematika ra 51% tal-istudenti li għaddew, minn fost 4,295 applikazzjoni; li jfisser li għaddew 2,194 student.
Għall-eżamijiet tal-Matrikola, l-Uffiċċju tal-MATSEC irċieva tlett elef seba’ mija u sitta u disgħin applikazzjoni maqsuma fuq disgħa u għoxrin suġġett tal-livell Avvanzat u erbgħa u tletin suġġett ta’ livell Intermedju.
F’kumment ma’ ONE News, id-Direttur tal-MATSEC, Dario Pirotta, spjega kif l-istudenti issa qed jerġgħu jadattaw għas-sistema ta’ qabel il-pandemija.
“Bħala performance qed naraw, fil-każ tas-SEC u anke Matrikola, qed tasal kif kienet fl-2019 f’ħafna mis-suġġetti. Fil-każ tas-SEC, fil-lingwi, għandna assessjar ġdid fejn kull ħila għandha l-istess ammont ta’ marki li twassal għall-grad finali fejn rajna bdil fl-imġiba tal-istudenti fejn il-ħila tal-ismigħ u anke l-ħila tal-lingwa qed jingħataw aktar importanza minn qabel.”
Dario Pirotta