Eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq tal-belt Awstrijakka ta’ Vienna sabiex jipprotestaw il-miżuri imposti mill-Gvern biex inaqqsu t-tixrid tal-Covid-19.
Din hija r-raba’ ġimgħa konsekuttiva ta’ protesti fi Vienna u din il-ġimgħa ħadu sehem madwar erbgħa u erbgħin elf dimostrant li bdew jipprotestaw miżuri fosthom it-teħid mandatorju tal-vaċċin.
Din il-miżura partikolari kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fl-Unjoni Ewropea u tapplika għaċ-ċittadini kollha li għandhom ‘il fuq minn erbatax -il sena iżda teskludi lil dawk li għandhom raġunijiet mediċi.
Ix-xahar li għadda, l-Awstrija kienet l-ewwel pajjiż Ewropew li reġgħet imponiet lockdown li mistenni jispiċċa llum.
Minkejja dan, ir-restrizzjonijiet kontra persuni li mhumiex imlaqqma se jibqgħu fis-seħħ.