Eluf ta’ dimostranti niżlu fit-toroq ta’ Istanbul jipprotestaw kontra l-arrest tas-Sindku tal-belt Ekrem Imamoğlu li hu meqjus bħala r-rivali prinċipali tal-President Recep Tayyip Erdoğan.
Bi sforz sabiex ikunu kontenuti l-protesti, ħafna toroq ingħalqu, ċertu siti fuq il-mezzi soċjali ġew restritti u ġiet infurzata projbizzjoni ta’ dimostrazzjonijiet għall-erbat ijiem.
Iżda minkejja dan, eluf inġabru quddiem il-kwartieri tal-pulizija, is-City Hall u l-kwartieri ġenerali tal-Partit Repubblikan tal-Poplu CHP li jappartjeni għalih Imamoğlu.
Id-dimostranti qed isostnu li l-arrest huwa wieħed illegali u bla bażi u li l-poplu ma kienx jixraqlu dan kollu għaliex din ma kinitx demokrazija.
Pulizija tal-irvellijiet imblukkaw it-toroq li jwasslu għad-Dipartiment tas-Sigurtà Vatan fejn ittieħed is-Sindku wara l-arrest.
Imamoğlu huwa mexxej tal-Oppożizzjoni popolari u r-rivali ewlieni tal-President Recep Tayyip Erdoğan. Total ta’ mitt persuna, inkluż is-Sindku u diversi nies prominenti oħra, kienu arrestati fuq suspetti ta’ korruzzjoni inkluż estorzjoni u frodi kif ukoll li għenu lill-Partit Kurdistan tal-Ħaddiema, il-PKK, meta dan huwa klassifikat bħala organizzazzjoni terroristika mit-Turkija, l-Istati Uniti u alleati oħra.
L-arrest ta’ Imamoğlu huwa fost ħafna aktar arresti ta’ membri tal-oppożizzjoni li qed ikunu kkritikati bħala politikament motivati f’tentattiv biex jissilenzjaw it-tgergir.
Ġurnata qabel, l-Università ta’ Istanbul irrevokat il-Bachelors Degree tas-Sindku, ħaġa li hi neċessarja skont il-liġi Torka, sabiex wieħed jikkontesta l-elezzjonijiet.
It-Tlieta, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen esprimiet tħassib dwar l-arrest ta’ Imamoğlu u ġibdet l-attenzjoni tat-Turkija għall-obligazzjoni li għandhom li jħaddnu valuri demokratiċi hekk kif it-Turkija hija kandidat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.