Kull qatra tgħodd, speċjalment meta tkun qed tgħin lil min hu fil-bżonn!
Espressjoni li ddominat fil-ħdax-il edizzjoni tal-Fun Run tal-President, festa ta’ ġenerożità u solidarjetà li ta’ kull sena tagħti spinta l-karus tal-Malta Community Chest Fund.
Il-Ħadd filgħodu temp mill-isbaħ ħajjar l-eluf biex minn erba’ postijiet: is-Saqqajja, Raħal Ġdid, tal-Qroqq u Santa Venera, jiġru jew jimxu lejn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. Hawnhekk spikkat ukoll il-preżenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Uħud, bl-etajiet ivarjaw miż-żgħar għall-kbar, pparteċipaw sabiex jonoraw jew ifakkru lil xi ħabib jew qarib li għaddej minn jew tilef il-battalja ma’ xi marda. Oħrajn ħadu sehem sabiex jgħinu f’din il-kawża ġusta. Għal oħrajn serviet ta’ ħarġa jew ftit ħin ta’ eżerċizzju fiżiku.
Il-Fun Run ta’ din is-sena kienet speċjali għall-President ta’ Malta George Vella, għaliex hija l-ewwel waħda li ġiet organizzata taħt il-patroċinju tiegħu.
Il-President flimkien ma’ diversi Membri Parlamentari u mijiet ta’ nies imxew mir-rotta tal-Qroqq.
F’kumment lil ONE News il-President Vella esprima l-kburija tiegħu li l-poplu Malti u Għawdxi warrab dak li jifirdu u ċċelebra dak li jagħqdu.
Il-President George Vella stqarr: “Il-poplu Malti huwa poplu b’qalb kbira, poplu li huwa lest li jgħin lil sħabu u illi meta tgħajjatlu ħa ssibu. Din raniha darbtejn diġa meta fl-istrina rajna suċċess bħal dak u erġajna rajnieh illum, dan l-ammont ta’ nies li ħarġu bi skop wieħed, biex jgħinu lil min ħa jkollu bżonn.”
Il-Fun Run tal-2020 kienet speċjali wkoll għall-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta, flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, ġera mis-saqqajja lejn il-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru Abela qal li attività bħal din turi l-veru valuri u l-għaqda li hemm bejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Dr Abela sostna: “Illum hija festa tal-għaqda nazzjonali, din il-Fun Run tissimbolizza l-għaqda nazzjonali illi għandna f’pajjiżna, kemm hija importanti din l-għaqda, kemm tant nemmen fiha u kemm ser inkompli naħdem biex inkompluha din l-għaqda.”
Għall-ħabta tal-ħdax it-3 rotot iltaqgħu biswit bieb il-Bombi, u minn hemm imxew lejn Pjazza San Ġorġ. Hawn l-atmosfera ta’ għejja inbidlet f’waħda ta’ ferħ u sodisfazzjon, bil-parteċipanti jkunu ndirizzati mill-President, mill-Prim Ministru u Rappreżentanti tal-Oppożizzjoni.
Il-Fun Run kellha ssir f’Novembru li għadda iżda minħabba l-Maltemp kellha tiġi posposta għal Jannar, u f’Ottubru li ġej, Malta se tara t-tieni edizzjonij tal-Fun Run tal-President fl-istess sena.
Ritratt: Uffiċju tal-President/IRIS