L-investimenti tal-Gvern f’diversi miżuri soċjali qed iħallu impatt pożittiv qawwi f’eluf ta’ familji madwar il-pajjiż, u qed iwasslu sabiex aktar nies ikunu indipendenti mill-istess benefiċċji soċjali.
Xhieda ta’ dan huma ċifri li ġew diskussi fil-business breakfast li laqa’ lill-partijiet interessati kollha li għandhom x’jaqsmu mal-qasam soċjali.
Ġie diskuss l-impatt ta’ numru ta’ miżuri soċjali, fosthom dawk li jinċentivaw lin-nies sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fil-fatt, intqal li filwaqt li t-tkabbir ekonomiku kien importanti sabiex aktar nies jibdew jaħdmu, il-benefiċċji għenu lil eluf sabiex jagħmlu l-ewwel pass.
Fl-2015, kienu 2,101 dawk li bbenefikaw mill-benefiċċju tat-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji. Din il-figura żdiedet sa 3,600 persuna, sakemm niżlet għal 1,429 fl-2022.
Inċentiv ieħor li għin lil bosta sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol kien iċ-childcare bla ħlas. Fl-2015, kienu 5,852 persuna li għamlu użu minn din l-iskema; numru li maż-żmien tela’ għal 6,169 .
Ir-riżultati ta’ dawn l-iskemi u ħafna aktar jitkellmu għalihom, hekk kif mill-2013 sal-2022 in-numru ta’ dawk li bbenefikaw minn assistenza soċjali naqas kważi bin-nofs, u dawk li rċevew għajnuna b’rabta mal-qgħad naqsu b’ 94.7%.
Dawn l-inċentivi, flimkien ma’ ħidma usa’ tal-Gvern, kienu strumentali biex eluf ħarġu mill-faqar assolut, u b’hekk tjiebet anke l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna. B’hekk, il-Gvern ikun jista’ jkompli jinvesti fi proġetti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.