Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni ta’ Kwalitá Malta fl-2011, il-Partit Laburista reġa’ organizza dan l-avveniment bejn il-11 u 13 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’Qali. In-nies qed jattendu bi ħġarhom għal din il-fiera, li sservi ta’ opportunitá għal negozji lokali sabiex jipromwovu prodotti u servizzi Maltin.
Fi tnedija tal-edizzjoni tal-fiera Kwalità Malta mtella’ mill-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat saħaq li daqs kemm jieħu pjaċir li jkun hemm kumpaniji barranin li jiftħu jew ikabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna, daqstant ieħor jieħu pjaċir meta jkun hemm kumpaniji Maltin, żgħar jew kbar li jkabbru jew jiftħu l-operat tagħhom.
Dr Muscat spjega li l-Malta Enterprise toffri diversi skemi sabiex tgħin lin-negozji u fakkar kif fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, bejn Jannar u Settembru 2016, Malta Enterprise approvat 45 proġett li se joħolqu 800 post tax-xogħol ġdid. Il-Mexxej Laburista semma wkoll mizura fil-baġit li permezz tagħha se tkun qed tgħin lil dawk l-aktar żvantaġġjati sabiex jiftħu negozju.
Joseph Muscat saħaq li l-prodott barrani f’pajjiżna għandu jixpruna aktar lil prodott Malti li huwa ta’ kwalità. Fl-aħħarnett il-Prim Ministru rringrazzja lil voluntiera kollha li ħadmu sabiex din l-attività setgħet titella’.