Għat-tieni lejn konsekuttiv, eluf ta’ Brittaniċi u nies oħra li ġejjin minn kull rokna tad-dinja komplew jiffurmaw il-kju sabiex isellmu u jaraw it-tebut tar-Reġina Eliżabbetta t-Tieni f’Westminster Hall.
Il-Gvern Ingliż qal li qed jikkalkula li l-istennija sabiex wieħed jara t-tebut tar-reġina hija ta’ aktar minn ħdax il-siegħa, hekk kif is-serbut ta’ nies huwa twil madwar tmien kilometri.
Intant, illum ir-Re Karlu Tlieta flimkiem ma’ martu Camilla, mistennija jżuru lil Wales, fl-aħħar żjara tagħhom madwar l-erba’ nazzjonijiet fir-Renju Unit.
Fi tmiem il-funeral tar-Reġina, li se jsir nhar it-Tnejn li ġej, mistennija jkun hemm żewġ minuti silenzju madwar il-pajjiż.