L-uffiċċju tal-MATSEC fl-Università ta’ Malta rċieva aktar minn disat elef applikazzjoni għall-eżamijiet taċ-Ċertificat tal-Edukazzjoni Sekondarja, magħrufa bħala s-SEC u tal-Matrikola.
Is-sessjonijiet orali u bil-kitba ilhom għaddejjin numru ta’ ġimgħat u waslu fi tmiemhom it-Tnejn.
Għall-eżamijiet tas-SEC applikaw aktar minn ħamest elef student filwaqt li għall-Matrikola daħlu aktar minn erbat elef u mitt applikazzjoni.
Id-Direttur tal-MATSEC, Dario Pirotta, spjega li x-xogħol minn wara l-kwinti għall-eżamijiet ta’ Mejju ikun ilu li beda diversi xhur, meta l-ewwel jinħatru dawk li jiktbu l-karti tal-eżami.
Pirotta stqarr, “Hemm numru ta’ nies involuti, jiġifieri numru ta’ nies minn setturi differenti, u jien inħobb inqishom bħala esperti fis-suġġett u fil-livell ukoll, għaliex ħafna drabi jkunu għalliema li għallmu jew qed jgħallmu s-suġġett – allura jkollhom għarfien tajjeb ta’ x’inhu mistenni mill-istudenti f’dal-livell.”
Minn hemmhekk jiskatta x-xogħol tal-loġistika, biex jintagħżlu l-postijiet fejn ikunu se jsiru s-sessjonijiet u anki jinħarġu l-iskedi tal-eżamijiet.
Sadanittant, jitfasslu l-karti tal-eżamijiet.
Huwa qal, “Kif tiġi sottomessa l-karta jibda proċess ieħor, ngħidulu ta’ vetting, biex naraw li fil-karta kemm jista’ jkun ma jkunx hemm żbalji, tkun qed tinftiehem mill-istudenti ta’ dak il-livell – jiġifieri li d-domanda hija ċara u x’inhu mistenni mill-istudent. Imbagħad tiġi pprintjata u tkun lesta għal dik il-ġurnata tal-eżami.”
Malli titlesta sessjoni ta’ eżami, numru ta’ eżaminaturi jibdew proċess ieħor biex jikkoreġu l-karti tal-eżami.
Hawn temm jgħid, “Bħalissa hemm numru kbir ta’ nies li jkunu qed jikkoreġu. Hemm tim ta’ nies li jkunu qed jikkoordinaw kollox bejn in-nies kollha li jikkoreġu u, fl-aħħar, dawn jiġu kollha compiled u hawnhekk isiru meetings twal ħafna biex niddeċiedu l-gradi li għandhom jieħdu l-istudenti.”
Ir-riżultati jaslu b’SMS, bil-posta, jew bit-tnejn f’nofs Lulju. Bħalissa l-uffiċċju tal-MATSEC qed janalizza possibilitajiet oħrajn ta’ kif jintbagħtu r-riżultati fil-futur.