Fl-aħħar tliet snin kważi elfejn familja bbenefikaw bejniethom minn €23 miljun li ġew allokati mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-iskema Irrestawra Darek.
Din l-iskema saret biex jiġu rriġenerati djar antiki fil-qalba tal-ibliet u l-irħula maltin u biex tkompli tħeġġeġ l-investiment fir-restawr u l-konservazzjoni ta’ proprjetajiet privati li jinsabu f’żona ta’ konservazzjoni urbana u binjiet skedati fi Gradi wieħed u gradi tnejn.
Il-fondi għal din l-iskema ġew allokati mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-multi li l-awtorità imponiet fuq sidien ta’ djar f’żoni tal-iżvilupp biex jirregolarizzaw xogħlijiet li għamlu mingħajr permess.
F’intervista ma’ ONE News is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Aguis qal li din l-iskema turi impenn ċar favur ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ djar fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula Maltin. L-Onor. Agius fisser: “Din l-iskema li toħroġ għat-tielet darba, l-awtorità tal-ippjanar sabiex dawk il-familja li għandhom dar f’urban conservation area jkunu jistgħu jibbenifikaw minn fond sabiex jirranġaw l-faċċati tad-djar tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari wera sodisfazzjon għall-interess li wera l-pubbliku f’din l-iskema li fl-aħħar sentejn għenet kważi selfejn sid jagħmlu restawr estensiv. Fost l-applikazzjonijiet li bbenefikaw mill-iskema kien hemm sidien ta’ djar f’Tas-Sliema, il-Birgu, Birkirkara, iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Huwa sostna: “Dawn l-aħħar tliet snin l-awtorità tal-ippjanar għamlet aċċessibbli li ċ-ċittadin €23 allura tliet skemi u tliet skemi bbenifikaw aktar minn 1,700 familja li minnhom ibbenefikaw €23 miljun.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-ippjanar fakkar li din l-iskema qiegħda żżid fil-popolarità tagħha tant li l-fondi allokati għaliha nħatfu mil-ewwel. Huwa tenna: “Din id-darba l-iskema li infetħet f’Ġunju għalqet wara siegħa għax wara siegħa l-flus allokati ttieħdu kollha.”
Mijiet ta’ applikazzjoni saru minn sidien li xtraw l-ewwel dar tagħhom fejn ħadu sa 70% tal-ispejjeż li għamlu u li kienu jkopru l-intern u l-faċċata tad-dar sa massimu ta’ €10,000. Applikazzjonijiet oħrajn saru minn sidien ta’ djar li ngħataw parti mill-ispejjeż biex irranġaw il-faċċata. L-applikanti li jibbenefikaw minn din l-iskema riedu jippreżentaw l-irċevuti wara li jtemmu x-xogħol skont kif maqbul mal-awtorità.