Mexxejja politiċi internazzjonali u persuni nfluwenti kienu fost dawk li rreaġixxew għall-attentat ta’ qtil fil-konfront tal-eks President Amerikan Donald Trump.
Minn tal-ewwel li rreaġixxa kien hemm il-President attwali Joe Biden, li nnota kif jinsab grat li Trump jinsab sigur u kien qed jirkurpra.
Hu stqarr kif qed jitlob għalih u għal dawk li kienu fl-istess attività politika. Biden irringrazzja wkoll lis-servizzi sigrieta Amerkani filwaqt li appella biex il-poplu Amerikan jingħaqad f’kundanna lejn din it-tip ta’ vjolenza.
Donald Trump innifsu rreaġixxa fuq in-netwerk ta’ midja soċjali tiegħu, Truth, fejn ukoll irringrazzja lis-servizzi sigrieta Amerikani u l-forzi tal-ordni li aġixxew b’mod immedjat. Trump wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittma li nqatel u lill-familjari ta’ dawk midruba.
Aktar tard, Trump reġa’ kiteb fejn irringrazzja lill-pubbliku tas-sapport tiegħu wara dak li seħħ. Hawn appella biex kulħadd jibqa’ reżiljenti u ma jibżax. Sostna kif issa aktar minn qatt qabel huwa ż-żmien biex kulħadd ikun magħqud u determinat, filwaqt li qal kif jinsab ħerqan li jkompli bl-impenji politiċi matul il-ġranet li ġejjin.
Il-Prim Ministru Ingliż, Keir Starmer ukoll kien fost dawk li kkundannaw l-attakk fuq Trump. Huwa tenna kif m’għadx fadal lok għal vjolenza politika fl-ebda forma tagħha fis-soċjetà tal-lum.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron ukoll esprima d-dispjaċir tiegħu għal dak li ġara U sostna kif din kienet traġedja għad-demokraziji. Macron ukoll ingħaqad fil-ħsibijiet mal-vittmi tal-attakk.
Il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni wkoll esprimiet is-sogħba tagħha, hija qalet li tħares ‘il quddiem biex wara l-elezzjonijiet fl-Amerka jirrenja d-djalogu u r-responsabbiltà fuq il-mibgħieda u l-vjolenza.
Tal-istess sentiment kien il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz li iddikkjara kif dawn l-atti vjolenti jheddu d-demokrazija.
Elon Musk, kien ukoll fost dawk li esprimew ħsibijiethom. Huwa qal kif jappoġġja fl-intier tiegħu lil Trump filwaqt li qal li jispera li jirkupra malajr.
Il-Prim Ministru Malti, Robert Abela wkoll rreaġixxa fuq il-midja soċjali għal dak li ġara. Huwa stqarr kif kulħadd għandu jingħaqad biex jikkundanna kull forma ta’ vjolenza politika.
L-istess sentiment esprimieh il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, li wkoll sostna kif dan l-aġir għandu jkun ikundannat bl-aktar mod b’saħħtu.
Ritratt: AP Photo/Evan Vucci