- L-istrateġija tal-MTA biex tibqa’ żżid it-turiżmu
Li t-turiżmu hawn Malta qed jiżdied, jafha kulħadd. Ċifri pożittivi sirna nisimgħu bihom tista’ tgħid ma’ kull pubblikazzjoni relatata mat-turiżmu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Madanakollu, hemm bżonn wieħed jispjega d-diversi inizjattivi li jittieħdu sabiex Malta tibqa’ destinazzjoni tal-għażla ta’ eluf kbar minn madwar irkejjen diversi tad-dinja. Niċċa partikolari hija dik relatata mal-avvenimenti, u l-organizzazzjoni għaqlija ta’ festivals u serati li joffru inċentiv qawwi biex wieħed iżur Malta.
Nibdew mill-premessa li l-kompetizzjoni hija qawwija. Għalkemm imdorrijin niddeskrivu lil Malta bħala post bi kwalitajiet uniċi, hemm pajjiżi qrib tagħna fil-Mediterran li huma mżejna b’bajjiet sbieħ u riżorsi naturali. Malta kapaċi toffri servizz ta’ kwalità u esperjenzi uniċi li jiġu anke mill-vantaġġi relatati mad-daqs tal-pajjiż. Madanakollu, xejn ma jneħħi mill-importanza ta’ pjanar strateġiku fejn jidħlu l-avvenimenti organizzati.
Ħarsa lejn l-aħħar avvenimenti maġġuri teħodna lejn l-Isle of MTV, avveniment li din is-sena ġab artisti enormi, bħal Jason Derulo u Sigala fost oħrajn. Kienet l-ewwel darba li kienet introdotta sistema ta’ biljetti, filwaqt li l-avveniment baqa’ bla ħlas, liema sistema diġà indrat u intużat għal Summer Daze, li sar għall-ewwel darba f’nofs Awwissu u kien suċċess enormi. Mill-20,000 ruħ li attendew, 68% kienu barranin. Kitbiet fuq rivisti bħal “We Rave You”, li ġġib 304,000 hit kull xahar, huma imprezzabbli. Biex nikkwotaw eżatt:
Summer Daze Festival made a huge impact on Malta and beyond, highlighting exactly why the island is such an integral part of the music industry and why fans flock there in masses to be a part of some of the world’s most exciting festivals. Summer Daze provided attendees with an unforgettable experience and having kicked off proceedings with such a bang, expectations are certainly high ahead of its return next year. One thing is for certain, the festival will continue make a huge impact for years to come.
Avvenimenti oħra li jattiraw turiżmu żagħżugħ lejn Malta inkludew Lost and Found Festival f’Mejju, li attira 12,000 persuna, li 95% minnhom kienu barranin, primarjament mis-suq Ingliż. Il-festival Abode ħa t-turiżmu lejn Għawdex f’Ġunju, b’attendenza ta’ 4,000 ruħ li wkoll kienu primarjament mis-suq Ingliż. Il-festival Glitch, li sar f’Awwissu wkoll, attira 3,000 persuna, nofshom barranin.
L-MTA ħadet ħsieb ukoll li torganizza avvenimenti għal gosti varji, kemm mużikali u kemm relatati ma’ avvenimenti oħra. Il-Fireworks Festival f’April li għadda attira 30,000 persuna fuq tlett ijiem, filwaqt li l-MTA għenet fil-Malta and Harley Davidson Owners Group (HOG) Mediterranean Run, liema avveniment attira 600 biker minn madwar id-dinja.
Ħidmet l-MTA ma tiqafx minkejja li r-riżultati huma pożittivi immens. Issa jmiss li jsir f’pajjiżna l-festival TropOut, speċifikament iddedikat għas-settur LGBTIQ. Fl-istess waqt, hemm l-International Music Summit, u Elrow, esperjenza unika ta’ party stravaganti li qatt ma sar qabel bħalu hawn Malta. Għal min huwa intiż fid-dinja diġitali, ġej ukoll l-avveniment THU, u għal min iħobb dak kollu militari, se ssir il-Military Tattoo. Dan minbarra l-International Radio Festival, ukoll skedat għal Settembru.
Se jkunu bla dubju żminijiet eċitanti dawk li ġejjin, minkejja li jsarrfu f’jiem twal ta’ ħdima għall-ħaddiema tal-MTA. Din hija ħidma li ssir bi strateġija u bil-qalb, għaliex wara kollox, il-prodott li qed nippromwovu huwa pajjiżna stess,u għalhekk nemmnu fih.
Sabiex dawn l-avvenimenti jkunu massimizzati fil-potenzjal kollu tagħhom, ikunu akkumpanjati minn eżerċizzji maħsuba ta’ PR u Marketing barra minn xtutna, sabiex dak li jsir hawn Malta jkun komunikat fost udjenzi minn mixjiet tal-ħajja differenti. Dan jgħin biex jittaffew problemi ta’ staġjonalità, u hawn ta’ min ngħidu li dawn l-aħħar sentejn, pajjiżna rnexxielu jġib tkabbir fil-viżitaturi fix-xhur xitwin iktar milli fix-xhur sajfin. Dan jagħmel lil Malta waħda mill-aktar pajjiżi li tifrex l-ammont ta’ viżitaturi tul it-12-il xahar tas-sena, u mhux fl-istaġuni turistiċi biss.
Ritratt: Kimberley Portelli