Permezz ta’ card li bdiet titqassam fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji huma eluf li qed iżuru siti storiċi li huma f’idejn il-ħarsien ta’ Heritage Malta mingħajr ma jħallsu imqar ċenteżmu wieħed.
Fil-fatt fl-iskejjel se jkunu tqassmu mat-tlieta u ħamsin elf card li biha t-tfal jistgħu jieħdu sa żewġ adulti magħhom u lkoll jidħlu jżuru l-postijiet storiċi mingħajr ħlas.
Meta mbagħad it-tfal iżuru l-postijiet jirċievu dak imsejjaħ bħala passaport.
Russell Muscat, uffiċjal ta’ Heritage Malta spjegalna li din il-miżura li tħabbret fil-budget u bdiet qabel din is-sena, propju lejn l-aħħar ta’ Novembru waslet biex kien hemm elfejn u mitt tifel u tifla li ħadu passaport għax żaru post storiku bil-card li ħadu magħhom mill-iskola.
Spjegalna kif in-numri li żaru s-siti storiċi huma impressjonanti fejn litteralment it-tfal kaxkru magħhom lil kbar.
Qal li “U kif qed tgħid inti li t-tfal qed iġibu magħhom lill-adulti. B’kollox s’issa rajna li għamilna kważi matul xahar, kien hemm kważi erbatax-il elf entry ġol-mużewijiet tagħna. Li tmint elef minnhom kienu adulti u sitt elef l-oħra kienu studenti. Dan jiġifieri huwa numru inkoraġġanti ħafna.”
Ma setax jonqos li tegħlibna l-kurżità u nsaqsuh jekk il-postijiet li qed ifittxu l-familji Maltin humiex l-istess li jfittxu t-turisti.
B’Russell Muscat dlonk iwieġeb li iva u jsemmilna tliet postijiet ferm popolari mal-Maltin li qed igawdu minn din l-iskema mħabbra mill-Gvern Malti.
Muscat qal li “Għandek l-ikbar entries li kien hawn, kienu hawnhekk l-Armerija tal-Palazz, warajh imbagħad kien hemm l-arkeoloġija, il-mużew tal-arkeoloġija fil-Belt ukoll u imbagħad warajh għandek Ħaġar Qim.”
Kull tifel u tifla li daħlet permezz tal-passaport ta’ Heritage Malta tirċievi timbru u mal-għaxar timbru tingħata dik imsejħa viża li tagħtihom aċċess għall-postijiet mhux normalment miftuħin għall-pubbliku bħal San Pawl Milqi, il-Katakombi tas-Salini u dawk tal-Mitna fl-Imqabba u l-Abatija tad-Dejr fir-Rabat.
Russell Muscat temm jgħidilna li xhieda ta’ kemm l-iskema qed tagħmel suċċess hi li f’xahar li din ilha taħdem diġà hemm min għaqqad l-għaxar timbri.