Illum ilaħħqu l-eluf il-familji bi dħul baxx li għandhom iktar flus fil-but riżultat tal-in-work benefit u t-tapering tal-benefiċċji.
Dettalji li ta l-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Farrugia, dalgħodu juru li f’Diċembru li għadda 2,480 persuna kienet qed tgawdi mit-tapering tal-benefiċċji u 1,631 familja mill-in work benefit.
Kien fl-2014 li daħal it-tapering tal-benefiċċji. B’dan il-kuncett innovattiv, il-Gvern irnexxielu jżewweġ il-benefiċċji soċjali mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tul l-aħħar tliet snin kompla jissaħħaħ. Permezz tiegħu persuna li tkun tieħu l-Għajnuna Soċjali ma titlifx dik l-għajnuna mill-ewwel u għalhekk tkun inċentivata tidħol fis-suq tax-xogħol, bil-ħsieb hu li dejjem jaqbillek taħdem.
Permezz tal-introduzzjoni tat-Tapering tal-Benefiċċji, persuna li tibda taħdem, tibda wkoll tipparteċipa fis-sistema tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, il-persuna tkun qiegħda tkabbar il-possibilità li tiġi ntitolata għall-pensjoni kontributorja meta tilħaq l-età pensjonabbli.
L-In-Work Benefit kien introdott fis-sena 2015 wara li kein qiegħed jigi rreġistrat suċċess bl-introduzzjoni tat-Tapering tal-Benefiċċji matul is-sena 2014. Dan il-benefiċċju jitħallas lil dawk il-persuni li jaħdmu u jkollhom tfal taħt it-23 sena jgħixu magħhom.
B’effett minn Jannar 2017 twessgħu l-ammonti ta’ dħul li wieħed jista’ jkollu biex jibbenefika. Dawn ġew:
Għal koppja li jaħdmu t-tnejn li huma, id-dħul massimu biex jibbenefikaw żdied minn €20,400 ghal €24,000.
F’koppja fejn jaħdem wieħed jew waħda biss, id-dħul massimu żdied minn €13,000 għal €16,500.
F’każ ta’ single parents id-dħul massimu żdied minn €15,000 għal €16,500.
Ir-rati ta’ ħlas inbidlu wkoll u għalhekk ir-rati massimi huma:
Ir-rata massima ta’ ħlas għal koppja li jaħdmu t-tnejn żdiedet minn €1,000 għal €1,200 fis-sena.
Ir-rata massima ta’ ħlas ta’ koppja li jaħdem wieħed jew waħda biss żdiedet minn €150 ghal €350 fis-sena.
Ir-rata massima ta’ ħlas għal single parent li jaħdem żdiedet minn €1,200 ghal €1,250. Barra minn hekk, fil-każ li tkun dovuta l-ogħla rata, jitħallas €80 oħra fuq l-ewwel wild eliġibbli.
Dawn huma lkoll flus li qed jibqgħu fi bwiet il-familji u meta mgħaquda flimkien ilaħħqu l-miljuni ta’ ewro.