Sir Elton John sofra minn infezzjoni li setgħet toqtlu waqt li kien qed jagħmel it-tour tiegħu, fejn minħabba f’hekk kellu jqatta’ żewġt iljieli l-isptar fis-sezzjoni tal-kura intensiva u kellu jikkanċella għadd ta’ kunċerti fl-Istati Uniti.
Il-kantant famuż mondjali spiċċa ma jiflaħx ħafna lejn l-aħħar tat-tour fl-Amerika ta’ Isfel il-ġimgħa li għaddiet, fejn minħabba f’hekk kellu jirritorna lura lejn ir-Renju Unit biex jirċievi l-kura neċessarja b’mod urġenti.
Disa’ kunċerti li kienu mistennija li jsiru f’Las Vegas u Kalifornja tul dawn il-ħmistax, ġew ikkanċellati.
Elton John issa jinsab fir-residenza tiegħu jistrieh.
Fi stqarrija maħruġa mill-maniġment tgħid li l-infezzjoni li kellu l-istilla kienet waħda “rari ħafna li poġġietlu ħajtu f’riskju kbir.”
Sir Elton John għandu 70 sena u biegħ aktar minn 200 miljun rekords.