Il-Bord tad-Diretturi ta’ Twitter qabel mal-offerta li għamel l-intraprenditur biljunarju Elon Musk sabiex jixtri l-kumpanija għal 44 biljun Dollaru Amerikan.
Għall-ewwel, l-offerta ta’ Musk, li skont ir-rivista Forbes huwa l-aktar persuna sinjura fid-dinja, ma kinetx aċċettata. Iżda, issa huwa sta għax-shareholders, li bil-vot tagħhom se jkun qed japprovaw dan il-qbil.
Musk, li għamel l-offerta tiegħu ftit inqas minn ġimagħtejn ilu, saħaq li s-sit soċjali Twitter għandu potenzjal kbir li jixtieq ikompli jesplorah.
Il-biljunarju, li l-valur nett tiegħu jammonta għal aktar minn $273 biljun, saħaq dwar l-importanza tal-libertà tal-espresjoni u li din hija l-pedament tad-demokrazija. Fil-fatt, Musk qabbel Twitter ma’ pjazza fejn fiha jiġu diskussi kwistjonijiet li jiltaqgħu magħhom in-nies, iżda b’mod diġitali.
Huwa qal li se jkun qed jagħmel xi tibdiliet sabiex itejjeb il-prodott.