F’avveniment intitolat ‘We, Robot’ li sar il-Ħamis fil-Warner Bros studio ħdejn Los Angeles, ġiet ippreżentata taxi tal-futur li taħdem biss bis-sistema tal-intelliġenza artifiċjali.
Din ġiet żvelata mill-kap eżekuttiv ta’ Tesla Motors Elon Musk li propju wasal ħdejn il-palk rikeb f’din ir-robotaxi kkaratterizzata minn żewġ bibien forma ta’ ġwienaħ u li ma fihiex la steering u lanqas pedali. Huwa ppreżenta wkoll robovan hekk kif il-miri ta’ Tesla qed jiddiversikaw minn produttur ta’ karozzi bi prezzijiet baxxi mmirati lejn is-suq tal-massa għal manifattur tar-robotika.
Musk qal li din ir-robotaxi se tkun fil-produzzjoni fl-2026 u se tkun tqum anqas minn $30,000. Huwa qal li biż-żmien l-operazzjoni ta’ din il-karozza se tkun tqum 20 ċenteżmu Amerikan kull mil u tiċċargġja mingħajr il-bżonn ta’ plakka.
Huwa spjega kif l-operazzjoni ta’ dawn il-karozzi hija totalment permezz tal-intelliġenza artifiċjali u kameras u m’għandhomx bżonn apparat ieħor bħal robotaxis ta’ rivali oħra.
Fl-esibizzjoni kien hemm madwar 50 vettura li taħdem waħida nkluż ir-Robovan, vettura ikbar li kapaċi ġġorr sa għoxrin persuna.
Il-pjan ta’ Musk hu li jopera flotta ta’ Tesla Taxis li jaħdmu waħidhom fejn il-passiġġieri jistgħu jibbukkjawhom permezz ta’ app. Nies li jkollhom waħda minn dawn il-karozzi se jkunu wkoll jistgħu jaqalgħu l-flus minnhom billi jniżżlu l-vetturi tagħhom bħala robotaxis f’din l-app.