Elon Musk nieda petizzjoni u qed joffri lill-votanti Amerikani li jiffirmawha miljun dollaru fi flus kuljum sal-elezzjoni tal-5 ta’ Novembru.
Il-biljunarju, li qed jappoġġja lil Donald Trump fil-kandidatura presidenzjali, ħeġġeġ lill-votanti ta’ stati kruċjali għar-rebħ, sabiex jiffirmaw il-petizzjoni li kienet tippromwovi id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni kif ukoll dik li jinġarru l-armi.
Musk ħabbar li kuljum kien se jagħżel persuna mil-lista ta’ firem u jippreżentalhom rigal ta’ miljun dollaru. Filfatt nhar is-Sibt qassam l-ewwel ċekk lil raġel minn Pennsylvania, stat ikkunsidrat bħala wieħed mill-aktar importanti kemm għar-Republikani kif ukoll għad-Demokratiċi. L-għada l-Ħadd, kienet mara li rċevit il-miljun waqt attività f’Pittsburgh.
F’diskors li għamel waqt ir-rally ta’ Trump f’Harrisburg, Musk qal li l-għan tiegħu kien li bejn miljun u żewġ miljun votant fi stati li jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat, jiffirmaw il-petizzjoni għaliex, skont hu, din tibgħat messaġġ kruċjali lill-politikanti eletti.
Il-gvernatur demokratiku ta’ Pennsylvania, Josh Shapiro, sejjaħ għall-investigazzjoni dwar il-legalità ta’ din il-mossa minn Musk għax osservaturi qegħdin jgħidu li potenzjalment din tmur kontra l-liġi li tipprojbixxi li tħallas lin-nies biex jivvutaw.
Skont il-Kummissjoni Federali tal-Elezzjonijiet, Musk matul dawn l-aħħar tliet xhur għamel għotjiet li jammontaw għal madwar $75 miljun sabiex jappoġġja l-kampanja ta’ Trump imsejħa America PAC.