Figuri finanzjarji juri li fil-bidu ta’ Ottubru Elon Musk tefa’ $43.6 miljun ieħor fil-fond America PAC sabiex jagħti spinta lil Donald Trump fil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali.
Il-kontribuzzjonijiet ġodda ġew irrappurtati mill-Kummissjoni Federali Elettorali il-Ħamis filgħaxija fejn issa t-total li ta Musk lil dan il-grupp jitla’ għal aktar minn $118-il miljun.
L-America PAC huwa kumitat ta’ azzjoni politika maħluq minn Elon Musk bis-sostenn ta’ numru ta’ negozjanti prominenti fit-teknoloġija, biex jappoġġjaw il-kampanja presidenzjali ta’ Donald Trump. Filfatt Musk dan l-aħħar deher f’diversi attivitajiet li saru f’Pennsylvania bħala parti mill-kampanja.
Primarjament il-flus qed imorru għall-canvassing sabiex isaħħu iċ-ċansijiet ta’ Trump fi stati li jistgħu jintrebħu miż-żewġ naħat, iżda l-Ħamis inxtara l-ewwel avviż tradizzjonali permezz ta’ riklam fuq stazzjon tar-radju f’North Carolina. Fl-aħħar ġimgħa ġiet ukoll offerta lotterija ta’ miljun dollaru kuljum lil dawk-il votanti ta’ dawn l-istati li jiffirmaw petizzjoni iżda din il-mossa wasslet għal twissija mid-Dipartiment tal-Ġustizzja.
Musk huwa l-aktar bniedem sinjur fid-dinja u fil-passat kien jagħmel biss donazzjonijiet żgħar fil-kampanji elettorali b’uħud minnhom lid-Demokratiċi, iżda din is-sena ħareġ bħala wieħed mill-akbar donaturi politiċi fil-pajjiż hekk kif qed jagħti ħafna miljuni minn flusu biex jagħti spinta lil Trump.
Fil-bidu ta’ Ottubru huwa ta donazzjoni ta’ $10 miljun fil-PAC tas-Senat Repubblikan u għamel kontribuzzjonijiet żgħar lil diversi gruppi oħra affiljati mar-Repubblikani.
F’Ottubru America PAC irċevew ukoll l-ewwel donazzjonijiet mhux mingħand Musk, b’miljun dollaru mingħand in-negozjant biljunarju Nelson Petz u żewġ miljuni mingħand l-ex segretarju edukattiv Betsy DeVos u membri tal-familja tagħha.