Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li qed iħossu qisu Mel Gibson għax qed ikun kuljum fl-aħbarijiet ta’ ONE.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Ellis qal li qed iħossu bħall-attur Amerikan magħruf għal films kbar bħal Braveheart u The Passion of the Christ.
Ellis, li l-gazzetti rrappurtaw li ma ħallasx is-salarji tal-ħaddiema tal-kumpanija tiegħu u lanqas il-bonus statutorju, sejjaħ l-istazzjon ONE bħala wieħed fallut.
Nhar it-Tnejn, Joe Ellis ammetta li l-kumpanija tiegħu gawdiet minn proġett infrastrutturali li sar f’Għawdex u li fuqu għamel pressjoni fil-Parlament iżda qal li ma kienx jaf b’dan.
Ellis kien qed jagħmel pressjoni b’tali mod li jinfluwenza r-rata li bih jimxi x-xogħol fuq il-proġett tal-Gvern f’toroq f’Għajnsielem u limiti tan-Nadur filwaqt li bil-moħbi, il-kumpanija tiegħu kienet qiegħda tipprovdi kwantità ta’ materjal tal-kostruzzjoni għall-istess proġett.
Jirriżulta li l-kumpanija Gozo Concrete Products Ltd, li Ellis jmexxi ma’ ħutu għandha tagħti ammont konsiderevoli ta’ flus lil diversi kuntratturi Għawdxin.
Għaldaqstant il-kumpanija t’Ellis qiegħda taqta’ d-dejn li għandha billi tpartat materjali li tipproduċi, inkluż il-briks.
Fil-fatt il-gazzetta KullĦadd, li magħha kompliet il-gazzetta Illum, kienet irrappurtat kif il-kumpanija ta’ Ellis issupplixxiet madwar 50,000 briksa lill-kuntrattur ewlieni li rebaħ is-sejħa tal-offerti, għall-proġett kbir li jmiss mal-konfini ta’ Għajnsielem u n-Nadur.
Il-valur ta’ dan il-briks hu stmat li jiswa madwar €50,000.
Ma’ ONE News, Ellis qal li ma jħossx li għandu jirriżenja u bagħatna għand Bernard Grech biex nistaqsuh jekk il-Kap Nazzjonalista jridx ikeċċih.
Meta mbagħad staqsejna lil Grech, il-Kap tal-Oppożizzjoni ċeda għal Ellis u qal li l-każ huwa magħluq.
Dan ma jistax jingħad l-istess fuq Mel Gibson, l-attur li issa għandu d-Deputat Parlamentari Joe Ellis li jħossu bħalu, dan għaliex il-karriera ta’ Gibson fil-films għadha ma ngħalqitx.