Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Joe Ellis, qal li l-kandidati għat-tmexxija tal-istess partit, Adrian Delia u Frank Portelli għandhom jirtiraw mit-tellieqa.
F’artiklu fil-gazzetta Illum Portelli qal: “F’ġieħ is-sewwa, irtiraw.”
F’paġna sħiħa ta’ opinjoni tefa’ dubji serji dwar għaliex se jikkontestaw l-elezzjoni l-istess Delia u Portelli.
“Il-kampanja ma tistax ma tiġix kundizzjonata bir-rivelazzjonijiet illi qegħdin isiru,” qal Ellis li nnota għal kitbiet ta’ Caruana Galizia.
Fost oħrajn Ellis tkellem dwar id-dejn ta’ Portelli u l-falliment tal-isptar St Philips u qal li l-bank jista’ jdur għal dawn il-flus minn ħin għal ħin.
Irrefera wkoll lejn id-dejn li kumpanija li għandu ishma fiha Delia u li għandha dejn ta’ seba’ miljuni u mitejn elf ewro fuq proġett li Ellis jgħid li mar żmerċ fil-pjanijiet tiegħu.
“Adrian Delia ħaseb li dan il-kuntratt se jibqa’ mistur,” kiteb Ellis li ddeskriva bħala stramba u mhux aċċettabbli l-mossa tiegħu li jrid jiddikjara l-assi tiegħu biss jekk jinħatar kap. Sostna li minbarra dan id-dejn hemm rata ta’ interessi ta’ elf u sitt mitt ewro kuljum.
U żied li wieħed issa qed jifhem għaliex Delia ma riedx jippubblika l-assi tiegħu.
Ellis stqarr: “Wieħed għalhekk irid bilfors jistaqsi: x’ġiegħel lil Adrian Delia u Frank Portelli joħorġu għal Kap tal-PN minkejja li ma kienux attivi fil-partit u minkejja li qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja xejn feliċi?”
“Dawn ir-rivelazzjonijiet jirrenduhom mhux idoneji għall-kariga li qed ifittxu li jimlew,” kiteb Ellis.
L-avukat u kandidat fi tlettax –il distrett qal li partit bi problemi finanzjarji kbar l-aħħar ħaġa li jrid hu li jkollu kap bi problemi finanzjarji kbar tiegħu wkoll.
Ellis żied kif jista’ jkun illum persuni intelliġenti ma ħasbux f’dan kollu qabel tefgħu l-kandidatura. Hawn Ellis kompla jagħmel l-argument li jekk iridu jgħinu lill-PN żgur mhux billi jmexxuh u appellalhom jirtiraw mit-tellieqa.