Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis baqa’ jtenni l-ispin tal-Kap Bernard Grech, anki jekk ġie mgiddeb dwar li l-preżentatur Mark Laurence Zammit mhux vera tkeċċa mill-istazzjon nazzjonali.
Il-kumpanija li sa ftit tal-jiem ilu kienet tħaddem lil Zammit ħarġet tiċċara li l-programm inkwistjoni huwa proprjetà tagħha u tiddeċiedi hi biss min jippreżenta l-programm.
Wara li l-Ħadd filgħodu l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija ffirmata mill-istess Ellis fuq sempliċiment għidut, Ellis baqa’ jsostni hekk.
Ellis, li kien ftaħar li fetaħ kwerela biex titfa’ lis-suldati l-ħabs, kompla jsostni kif il-preżentatur li għażel li jingħaqad mat-Times kellu jirriżenja mill-programm ‘L-Erbgħa fost il-Ġimgħa’ minħabba ndħil.
Madankollu l-kumpanija WE Media stqarret kif Mark Laurence Zammit qatt ma kien ġie offrut biex jippreżenta l-programm għall-iskeda li jmiss.
Qalet li sadanittant Zammit kien diġà qiegħed jaħdem in-notice tiegħu u għalhekk qatt ma seta’ jagħti l-kas li huwa ħa d-deċiżjoni li ma jippreżentax minħabba indħil li qal li esperjenza.
Il-Ħadd filgħodu, f’attentat li jiskorja punti politiċi, Bernard Grech ħareġ jitkellem dwar dak li deherlu kontroll mill-istazzjon nazzjonali.
Saħansitra uża l-ħin tal-intervista fuq ir-radju tiegħu biex jitkellem fuq hekk, meta ma kellux l-istorja kollha quddiemu.