Elliot Paul Busuttil, li fil-bidu ta dan ix-xahar ġie kkundannat 42 sena ħabs wara li ammetta li qatel lil Mario Farrugia f’Ħal Qormi u li anke pprova joqtol lil Emil Mainov, appella mis-sentenza li ngħatatlu, għax skontu l-imħallef ma mxietx mal-piena maqbula.
F’nofs Frar li għadda, l-avukati tiegħu informaw lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li kien se jammetti għall-qtil u l-attentat ta’ qtil wara qbil mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jiġi kkundannat 35 sena ħabs.
Minkejja dan, il-Qorti kkundannatu seba’ snin iżjed ħabs, flimkien ma’ multa ta’ sebgħin elf ewro.
Issa, permezz tal-Avukati tiegħu Edward Gatt u Shaun Zammit, Busutill ressaq appell biex titħassar is-sentenza u li l-kawża titreġġa’ lura għall-istadju ta’ qabel is-sentenza.
L-avukati talbu li, f’sitwazzjonijiet meta jkun hemm qbil bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, din għandha tiġi rispettata. Huma żiedu li, meta dan ma jseħħx, għandu jinstema’ l-ġuri. Wissew li jekk ma tintlaqax it-talba tagħhom, il-patteġġjament, jispiċċa.