Fil-Qorti, Elliot Paul Busuttil ammetta li qatel lil Mario Farrugia ta’ tnejn u sittin sena f’Ħal Qormi f’April ta’ sentejn ilu.
Il-katavru tal-vittma kien instab fil-bidu ta’ April tal-2022 ġo bagoll ta’ karozza fil-Wied ta’ Ħal Qormi. Huwa kien ġie rrapportat nieqes mal-Pulizija fl-aħħar ta’ Marzu ta’ dik is-sena u mill-awtopsja kien ħareġ li Mario Farrugia kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina.
Dan l-iżvilupp seħħ il-Ħamis filgħodu, quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, hekk kif semgħet it-trattazzjoni dwar il-piena.
F’dan l-iżvilupp mill-Qorti, Busuttil wieġeb ħati wkoll għall-attent ta’ qtil ta’ Bulgaru ta’ 57 sena f’Ta’ Qali, f’Awwissu tal-2020.
F’dan il-każ, il-vittma kien instab fil-periklu tal-mewt, b’Busuttil kien ħarab minn fuq il-post u sigħat wara, il-Pulizija kienu sabuh jistaħba f’komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’Ħ’Attard.
Il-kawża ġiet differita għas-sentenza li se tingħata fil-ħamsa ta’ Marzu fid-disgħa ta’ filgħodu.