Kulma jmur qiegħed joqrob l-appunament għall-kantanta Eliana Gomez Bianco li din is-sena se tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Junior Eurovision Song Contest fil-Polonja fl-24 ta’ Novembru.
Gomez Bianco li għandha 14-il sena se tkanta bil-leħen b’saħħtu tagħha l-kanzunetta ‘We Are More’.
F’intervista’ ma’ ONE NEWS Eliana tispjega li t-tema tal-kanzunetta titratta ż-żgħażagħ. Tgħid li ż-żgħażagħ jgħidu dak li jemmnu fih anke jekk hemm xi wħud li jipprovaw joħonqu l-ispirtu żagħżugħ tagħhom.
“It-tema tal-kanzunetta hija li aħna ż-żgħażagħ u t-tfal m’għandniex naqtaw qalbna għal dak li nemmnu, nibgħu nistinkaw biex dak li rridu nagħmlu f’ħajjitna nwettquh.” Stqarret Eliana.
Eliana li għandha l-aspirazzjoni li ssir tabiba, bdiet il-karriera mużikali tagħha ta’ sitt snin; bil-quċċata tal-karriera tagħha tintlaħaq fl-aħħar xhur wara li rnexxielha taqta’ l-frott ta’ dak li kienet ilha taħdem għalih u tirbaħ il-Malta Junior Eurovision Song Contest.
Hija qalet li bħalissa għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet dwar il-prestazzjoni tagħha fil-Polonja.
“Kuljum nagħmlu d-diska, il-preparamenti dwar x’ser nilbes, x’ser jiġri fuq il-palk, kuljum naħdmu, kuljum naħsbu forsi ndaħħlu xi ideat differenti biex nipperfezzjonaw kollox” Kompliet tgħid Eliana.
Wara li raddet ħajr lill-poplu Malti u lil dawk kollha li qegħdin iħejjuha għal dan l-avvenimet, staqsejna lil Eliana x’tixtieq minn din il-kompetizzjoni.
“Jien għandi f’moħħi li nagħmel unur lil malta għax ovjament huwa pajjiżi u nixtieq li l-maltin ikunu kburin li għażlu lili biex nirrapreżentahom allura ħa nżomm dik f’moħħi biex ikunu kuntenti b’dak li wettaqna.