Id-direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni (HRID) għandu l-għan li ikompli jwettaq politika favur l-ugwaljanza fil-faxxex kollha tas-soċjetà sa minn mindu twaqqfet fl-2015 fosthom dawk relatati mal-LGBTIQ, l-ugwaljanza, l-integrazzjoni u r-razziżmu. Dan billi jara li kull individwu jiġi rispettat u jħossu parti mis-soċjetà li ma tiddiskriminax fejn tidħol id-diversità u ll-libertajiet ċivili u l-libertà tal-bniedem.
Intant bħalissa jinsabu għaddejjin bil-programm I Belong li huwa parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija għal 2020 bl-isem ta’ The Migrant Integration Strategy & Action Plan. Liema pjan strateġiku qed jiskatta b’kollaborazzjoni ma diversi entitajiet rikonoxxuti u liċenzjati fl-oqsma rispettivi tagħhom.
Bejn l-2018 u l -2019 applikaw mal-elfejn persuna sabiex jkunu parteċipi fil-programm I Belong u huwa mistenni li dan in-numru ser ikompli jikber matul is-sena 2020.
Matul iż-żjara tagħha, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar tenniet li b’impenn ser tkun qed taħdem id f’id mad-Direttorat għal aktar miżuri favur l-ugwaljanza u l-integrazzjoni fis-soċjetà.
Cutajar qalet li hemm bżonn nsaħħu l-qasam legali. Filwaqt li tenniet li qed tħares l’quddiem sabiex jinbidel l-isem ta’ dan id-direttorat għal isem ieħor li jirrifletti ir-riformi li ġa seħħew jew qegħdin fil-proċess li jseħħu fil-futur.
Id-Direttorat l-HRID laqgħu lis-Segretarju Parlamentari flimkien ma din il-proposta u tennew li l-ħidma bejn iż-żewġ entitajiet ġa skattat u qed jaħdmu id f’id sabiex ikomplu jwittu t-triq l’quddiem. Saħqu wkoll li s-sapport politiku huwa meħtieġ sabiex dawn il-bidliet u r-riformi fis-soċjetà jkunu possibbli li jseħħu.