L-ambaxxata Franċiża għal Malta flimkien mal-Kumpanija STMicroElectronics Malta Limited tat bħala donazzjoni 2,000 maskla li jistgħu jerġgħu jintużaw flimkien ma’ 1,000 litru ta’ sanitizer lill-immigranti li bħalissa jinsabu f’kwarantina mandatorja fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.
Din l-inizjattiva qed issegwi numru ta’ inizjattivi li ħadu l-ħaddiema tal-AWAS sabiex biex l-imxija tal-Coronavirus ma tkomplix tinxtered f’dan iċ-ċentru miftuħ.
L-Ambaxxatur Franċiż Brigitte Curmi wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li qed joffru għajnuna f’dan il-perijodu ta’ kriżi. Hi aċċennat wkoll li l-Ambaxxata Franċiża se tkompli tkun ta’ spalla għal Malta fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni bħalma dejjem għamlet fil-passat.
Id-Direttur Ġenerali tal-STMicroElectronics Malta LTD Laurent Filipozzi wkoll saħaq fuq il-bżonn ta’ solidarjetà u appoġġ fis-sitwazzjoni preżenti minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-AWAS, is-Sur Mauro Farrugia stqarr li huwa sabiħ li jara Franċiżi joffru għajnuna tanġibbli lill-pajjiżna. Huwa rringrazzja l-Ambaxxatur għal Franza għall-appoġġ u solidarjetà li qiegħda turi f’dan il-perjodu ta’ sfida.
Ritratt: MHSE