“L-elf proposta tal-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali rridhom isiru elf kisba għall-pajjiż.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika f’Bormla mtella’ miż-Żgħażagħ Laburisti bit-tema ‘Together We Are’.
Attività li għaliha attendew mijiet ta’ żgħażagħ li kellhom iċ-ċans jintervjenu u jsaqsu lill-Prim Ministru.
Il-Mexxej Laburista appella sabiex dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom imorru jiġbruh, iżda fuq kollox appella wkoll sabiex kulħadd jikkonvinċi ’l ħaddieħor li għadu ma jafx x’se jagħmel fl-elezzjoni ġenerali, sabiex jivvota lill-Partit Laburista.
“L-aħna dejjem emmint li hija akbar mill-jiena. Waħdi ma jien xejn mingħajrkomm, u għalhekk ejja ħa nibqgħu inwasslu l-messaġġ ta’ pożittività u dan il-messaġġ dwar il-proposti li se jkunu qedj joħolqu il-Malta Flimkien għal futur isbaħ. Ejja niddjalogaw nitkellmu dwarhom, imma hemm bżonn li kulħadd jikkonvinċi lil dawk kollha li forsi għadhom sal-lum il-ġurnata għadhom ma ddeċidewx dwar x’se jagħmlu fil-jum tas-sitta u għoxrin ta’ Marzu, dwar l-importanza li kulħadd fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu jiddeċiedi dwar x’futur irridu nfasslu għal pajjiżna”
il-Prim Ministru Robert Abela
Qal kif ix-xogħol tal-aħħar snin b’mod partikolari fi żmien il-pandemija, hu turija ċara tal-mod kif imexxi Gvern Laburista.
“Dan kollu ma jistax iseħħ jekk fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu, in-nies jiddeċiedu li jibqgħu id-dar, jew li jekk issa ma jiġbrux il-vot tagħhom u jieħdu l-għażla li jastjienu f’dak il-jum. Hija għażla wisq importanti biex dak li jkun jiddeċiedi li jibqa’ d-dar. Qiegħdin f’mument ta’ sfidi ġodda madwar id-dinja, li jeħtieġu tmexxija kredibli u kompetenti.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-istess attività tkellmet ukoll mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela fejn semmiet id-drittijiet tal-annimali, suġġett ferm għal qalbha.
“Iżda llum xtaqt naqsam magħkom is-sodisfazzjon tiegħi għall-fatt li fuq il-manifest elettorali tagħna hemm ħdax -il proposta dwar settur importanti u għal qalbi ħafna, is-settur tal-ħarsien tal-annimali li naf li huma għal qalb ħafna Maltin u Għawdxin. Fost il-proposti li hemm dwar il-ħarsien tal-annimali, hemm proprju dwar l-għajnuna li se nagħtu ferm akbar lis-santwarji tal-annimali li jagħtu ħafna għajnuna lill-annimali billi jagħtuhom saqaf fuq rashom, jagħtuhom kenn, jagħtuhom l-ikel u nagħtu sostenn ukoll lil dawk il-voluntiera kollha li jaħdmu bla waqfien biex lil dawn l-annimali jieħdu ħsiebhom.”
Dr Lydia Abela
Meta mitluba tiddeskrivi l-Kampanja Elettorali tal-Partit Laburista s’issa, mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela qalet kif din kienet waħda tan-nies.
“Qed inħossuna tajjeb għaliex qed inkunu ħafna fost in-nies u l-kampanja hija, fl-aħħar mill-aħħar, fuq in-nies. Fuq iż-żgħażagħ, fuq l-anzjani, fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Hija tant esperjenza sabiħa li qed tlaqqana man-nies, nisimgħu l-esperjenzi tagħhom, nies b’ideat differenti, iżda kollha b’rieda ċara, b’rieda qawwija li fi ftit tal-jiem oħra se jagħtu fiduċja, biex jagħtu vot lil Malta flimkien.”
Dr Lydia Abela