Dana Farrugia hija r-raba’ kandidat li uffiċjalment ħabbret li se tkun qed tikkontesta għall-elezzjoni ta’ Viċi President tal-MFA. Farrugia ħabbret dan il-Ħadd filgħaxija waqt program televiżiv.
Minn din is-sena, waħda mill-Viċi Presidenti tal-MFA trid tkun mara u filfatt Dana Farrugia hija l-ewwel mara li ħabbret il-kandidatura tagħha. Madankollu mhux eskluż li aktar nisa juru interess għal din il-kariga.
Farrugia mhijiex wiċċ ġdid għal futbol Malti hekk fl-aħħar snin kienet parti mill-klann femminili ta’ Birkirkara FC kif ukoll membru fl-eżekuttiv tal-MFA fejn qed tirrapreżenta l-futbol femminili.
Ikkuntatjata minn dan l-stazzjon, Farrugia, filwaqt li kkonfermat il-kandidatura tagħha, sostniet li tixtieq li tkompli ssaħħaħ il-bidla pożittiva li hemm bżonn.
L-elezzjonijiet għal President u Viċi Presidenti se ssir il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu fejn s’issa uffiċjalment ħabbru l-kandidatura tagħhom Dr. Matthew Paris, Adrian Casha u Pierre Micelli.