It-Tlieta, il-plenarja tal-Parlament Ewropew se tkun qed tivvota dwar min għandu jservi bħala President tal-Parlament Ewropew għas-sentejn u nofs li ġejjin.
S’issa, l-unika kandidata biex isservi f’dan ir-rwol hi l-Maltija Roberta Metsola, li diġà serviet fil-kariga fl-aħħar sentejn u nofs u reġgħet ġiet innominata uffiċjalment bħala l-kandidata tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, li hu l-akbar grupp politiku fl-istituzzjoni.
In-nomina tagħha ġiet ikkonfermata wara vot ta’ approvazzjoni mill-Ewroparlamentari tal-Partit Popolari Ewropew f’laqgħa fil-magħluq.
Metsola kienet bdiet tokkupa r-rwol ta’ President tal-Parlament Ewropew meta fit-18 ta’ Jannar tal-2022 kienet ġabet il-maġġoranza fost il-Membri Parlamentari Ewropej u għelbet lil żewġ kandidati oħrajn.
Jekk Metsola terġa’ tiġi eletta bħala President, tkun it-tieni persuna fl-istorja tal-Parlament Ewropew li ngħatat il-fiduċja għat-tieni mandat infila. Hi wkoll it-tielet mara li sserviet f’dan ir-rwol.
Kull grupp politiku jista’ jinnomina persuna biex tkun kandidata għall-President ta’ din l-istituzzjoni Ewropea.
Il-Ħamis, imbagħad, il-Parlament Ewropew se jkun qed jivvota mill-ġdid, din id-darba dwar jekk japprovax lill-kandidata tal-EPP ukoll, Ursula von der Leyen, bħala President tal-Parlament Ewropew.
Dan wara li, ftit tal-ġimgħat ilu, il-mexxejja Ewropej f’summit tal-Kunsill Ewropew qablu li Von der Leyen għandha terġa’ sservi bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin, kif għamlet fl-aħħar leġiżlatura.
Jekk il-Parlament Ewropew japprovaha mill-ġdid, hi tkun it-tielet President tal-Kummissjoni, li se sservi għat-tieni leġiżlatura u l-ewwel mara li tagħmel dan.
Sadanittant, illum fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, saret ukoll ċerimonja fejn membri Parlamentari Ewropej, li temmew is-servizzi tagħhom fid-disa’ leġiżlatura li għaddiet, ingħataw rikonoxximent. Dawn kienu jinkludu wkoll lill-Membri Parlamentari Ewropej Alfred Sant, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer.