Issa li l-votazzjoni hija magħluqa, il-kaxxi tal-voti jittieħdu ssiġġilati fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fejn ikun qed isir il-ftuħ tal-kaxxi tal-voti. Ladarba dan il-proċess jintemm matul dan il-lejl ikun qed isir it-tqassim tal-voti.
It-tqassim tal-voti jibda meta l-kaxxi tal-voti kollha ta’ kull distrett ikunu nfetħu u ġew rikonċiljati mal-Ballot Paper Accounts rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, it-tqassim tal-voti jibda fid-distretti kollha fl-istess ħin meta jiġi mħabbar mill-Kummissjoni Elettorali.
F’dan l-istadju, l-poloz tal-voti jkunu qiegħdin fil-garżelli tas-supervisor wiċċhom l-isfel, f’pakketti ta’ ħamsin, irranġati skont in-numru tal-Post tal-Votazzjoni. Imbagħad, is-supervisor jieħu l-ewwel pakkett ta’ ħamsin vot minn kull garżella u jpoġġihom fuq is-saqaf tal-garżelli tal-Counting assistants.
Il-pakketti b’anqas minn ħamsin vot, u dawk fil-garżelli ta’ dawk li vvutaw kmieni u tal-Assistenti Kummissarji Elettorali u tal-isptarijiet jitqassmu fl-aħħar tal-proċess tat-tqassim. Il-Counting assistants imbagħad iridu jiċċekkjaw li l-polza tal-vot wiċċha l-isfel fiha t-timbru uffiċjali, u li ma fihiex marki oħra fuq in-naħa ta’ wara tal-vot.
Kull polza tal-vot li ma tkunx ittimbrata bit-timbru uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali jew li jkollha xi marki jew kitba oħra titqiegħed fil-garżella tad-dubjużi.
Ladarba dan il-proċess jintemm, fl-10.00 tal-Ħadd filgħodu l-voti jibdew jinqalbu wiċċhom ‘il fuq.