Matul il-jum tas-Sibt bdiet l-elezzjoni għall-eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Elezzjoni li bħal dik tal-Kap, nisslet diversi reazzjonijiet negattivi wara li esponenti mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia għamlu ħilithom kollha sabiex Delia jikseb aktar appoġġ fil-partit hekk kif kull ma jmur din qed tkompli tonqos.
Din il-ġimgħa rajna kif Chris Said mar kontra l-kelma ta’ Delia u ressaq mozzjoni fil-parlament sabiex diversi persuni inkluz Adrian Delia nnifsu jiġu investigati wara li kienet allegat fuqhom il-blogger Daphne Caruana Galizia.
Azzjoni li ħafna ddeskrivewha bħala gambetta oħra lill-kap il-ġdid li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed jitlef snienu fil-Partit Nazzjonalista.
Id-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone saħansitra qalilna li l-grupp parlamentari Nazzjonalista ma kienx jaf x’kien fiha l-mozzjoni, qabel ma rawha għall-ewwel darba f’laqgħa mal-grupp parlamentari.
Membru ieħor qal lil ONE News li minkejja li jaqbel mal-mozzjoni ta’ Said xtaq li l-Partit Nazzjonalista investiga l-passat ta’ Delia qabel ma dan laħaq kap.
Intant kien hemm membri oħra li ddeċidew jużaw ir-retorika jew saħansitra ppruvaw jgħawwġu l-fatti magħrufa sabiex jaħarbu mill-mistoqsija li saritilhom.