F’din l-elezzjoni ġenerali kienu eliġibbli li jivvotaw 333,380 persuna. Fl-aħħar ġurnata li fiha setgħu jinġabru d-dokumenti tal-vot, jiġifieri l-Ħamis f’nofsillejl, kien għad baqa’ 8, 372 persuna li ma ġabrux il-vot tagħhom. Dan jammonta għal 2.4% tal-elettorat. Bl-aktar voti li ma nġabrux kienu mit-tnax-il distrett li huwa magħmul minn Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. Isegwih kien hemm l-għaxar distrett li jinkludi Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan u Gżira fost oħrajn.
Tard ilbieraħ filgħaxija, l-Kummissjoni Elettorali ppubblikat it-turnout ta’ votanti f’din l-elezzjoni ġenerali, li jammonta għal 92% tal-elettorat. Dan ifisser tnaqqis ta’ 0.9% meta kkumparat mal-elezzjoni tal-2013. L-elettorat kellu għażla ta’ 210 kandidat li ġejjin mill-Partit Laburista, Partit Alleanza Bidla, l-Alternattiva Demokratika, Moviment Patrijotti Maltin u l-Partit Nazzjonalista.
Il-voti li se jkunu qed jiġu magħduda llum fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar ġejjin minn kull Distrett Elettorali, total ta’ tlettax-il distrett. Li fihom ivvottaw dan il-persentaġġ ta’ nies:
L-EWWEL DISTRETT
Belt, Furjana, Ħamrun, Marsa, St Venera, Pietà
91.92%, (-0.8% META MQABBEL MAL-2013)
TIENI DISTRETT
Birgu, Bormla, Ħaż-Żabbar, Isla, Xgħajra, Kalkara, Parti mill-Fgura
93.37% (-0.9%)
TIELET DISTRETT
Ħal Għaxaq, Marsaskala, Marsaxlokk, Żejtun
93.19% (-0.9%)
RABA’ DISTRETT
Fgura, Gudja, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija
93.85% (-0.7%)
ĦAMES DISTRETT
Birżebbuġia, Bubaqra, Ħal Farruġ, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Imqabba, Qrendi, Żurrieq
93.20% (-0.8%)
SITT DISTRETT
Luqa, Qormi, s-Siġġiewi
93.07% (-0.6%)
SEBA’ DISTRETT
Baħrija, Dingli, Imġarr, Mtarfa, Rabat, Tal-Virtu (Rabat), Ħaż-Żebbuġ
93.28% (-1.0%)
TMIEN DISTRETT
Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Lija u l-Iklin
92.69% (- 0.9%)
DISÀ DISTRETT
Għargħur, Imsida, San Ġwann, Swieqi, Ta’ Xbiex
91.30% (- 0.9%)
GĦAXAR DISTRETT
Baħar iċ-Ċagħaq, Gżira, Parti minn Naxxar, Pembroke, San Ġiljan u Paceville, Tas-Sliema
89.47% (-0.8%)
ĦDAX-IL DISTRETT
Burmarrad, San Pawl il-Baħar, Ħ’Attard, Mosta, Imdina
92.20% (-0.9%)
TNAX-IL DISTRETT
Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar
87.84% (-2.2%)
TLETTAX-IL DISTRETT
Għawdex
91.56% (-0.5%)
Persentaġġi li jinkludu dawk li vvotaw kmieni minħabba safar jew għax kienu Assistenti Kummissjonarju Elettorali. Ivvotaw ukoll qabel it-3 ta’ Ġunju r-residenti tad-djar tal-anzjani u dawk li sa nhar it-Tnejn kienu rikoverati fl-isptarijiet.
L-attività fiċ-ċentru tal-Għadd tal-Voti issa qed tiżdied hekk kif ftit tal-ħin ieħor, fl-10.00, il-voti jibdew jinqalbu wiċċhom ‘il fuq.