Il-Kummissjoni Elettorali ġiet inkarigata mill-President ta’ Malta biex tmexxi elezzjoni każwali biex timla s-siġġu mbattal fil-Parlament Ewropew minn Therese Comodini Cachia. Dan l-Avviż (Writ) qed ikun ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-lum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Elettorali tavża li ser tirċevi nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali sabiex jimtela dan il-post ta’ Membru Parlamentari Ewropew.
Dawk il-kandidati li kkontestaw l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju, 2014, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mit-Tlieta 11 sas-Sibt 15 ta’ Lulju, 2017, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, bejn id-9.00 am u nofsinhar.