Iż-żewġ karigi ta’ Viċi-Kapijiet tal-Partit Nazzjoanlista se jkunu kkontestati.
Issa li għalqu n-nomini, għall-Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament hemm kandidati David Agius u Edwin Vassallo. Għall-kariga ta’ Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit hemm Robert Arrigo u Toni Bezzina.
B’hekk falla għal kollox is-suppost pjan tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li l-karigi ta’ Viċi-Kapijiet ma jkunux ikkontestati. Dan bil-għan li ma joħroġx iktar demm wara l-ħsara li saret fl-elezzjoni għal kap.
Fuq kollox dan hu każ ieħor li juri kif Delia tilef għal kollox il-kontroll.
Fl-istess ħin falla għal kollox dak li kien qed jissejjaħ ftehim ta’ qsim ta’ poter ma’ Chris Said li biex jidħol għall-kariga ta’ Viċi-Kap ried jikkontesta waħdu.
Mal-mument li David Agius ikkonferma li se jitfa n-nomina tiegħu, Chris Said kiteb pubblikament li ma kienx se jikkontesta.
Fuq Facebook , Said qal li fl-laqgħa li kellu ma Adrian Delia spjegalu kif hu lest li jkompli jservi lill-partit nazzjonalista. Iżda, ma kienx lest jidħol għal kampanja elettorali oħra.
Mistoqsi dwar il-fatt li tefa’ n-nomina tiegħu David Agius qal li kien naturali għalih li jagħmel hekk.
“U allura , b’CV tajba , b’ħidma u enerġija kienet naturali li jien nitfa nomina”, qal Agius.
B’Robert Arrigo ukoll iwebbes rasu u jitfa’ n-nomina kellu jerġa’ jaħsibha Clyde Puli. Wara diskussjonijiet ma’ Adrian Delia d-Deputat Qormi indika internament li se jikkuntenta bil-Kariga ta’ President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq facebook kiteb li se jirtira għax irid l-għaqda u biex mhux it-tmexixja kollha tkun ġejja mill-blokk ta’ Adrian Delia. Iżda, fl-istamperija jafu li l-affarijiet huma xorta oħra.
Iżda, b’Puli barra Arrigo xorta mhux se jtellaq waħdu.
Żewġ minuti qabel jagħlqu n-nominazzjonijiet tefa’ n-nomina tiegħu d-deputat nazzjonalista Toni Bezzina. Bezzina. Bezzina jidher li hu popolari mat-tesserati fin-nofsinhar tal-pajjiż u f’Għawdex.
B’din il-kandidatura l-Partit Nazzjonalista għandu għażla li ssib l-għeruq tagħha fi żmien GONZI PN u fejn kważi kull kandidat għandu l-kontroversji tiegħu. Minn min ikkopja fl-eżamijiet, għal min abbuża minn kariga pubblika, għal min jieħu pożizzjonijiet mill-iktar konservattivi u għal min ried li jibqa’ kap Simon Busuttil u ma’ Delia ma jarax għajn mgħajn.