Il-Kummissjoni Elettorali se tilqa’ applikazzjonijiet mingħand persuni eliġibbli biex iservu bħala Assistenti Kummissjonarji Elettorali jew bħala persuni li jgħoddu, persuni li jissorveljaw, u persuni li jikkalkulaw waqt l-għadd tal-voti fl-Elezzjoni Ġenerali li se ssir is-Sibt, 3 ta’ Ġunju 2017. Min japplika jrid ikun dispost li jattendi sessjonijiet ta’ struzzjonijiet mill-Kummissjoni Elettorali.
L-applikazzjonijiet fuq il-formoli preskritti jintlaqgħu mill-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti (Ex Trade Fair Grounds) fin-Naxxar nhar l-Erbgħa 3, il-Ħamis 4, u l-Ġimgħa 5 ta’ Mejju bejn it-3.00 pm u t-8.00 pm, u nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju bejn it-8.00 am u s-1.00 pm.
L-applikanti għandhom jippreżentaw il-karta tal-identità. Persuni Għawdxin jistgħu japplikaw l-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Il-formoli tal-applikazzjonijiet, li huma dawk biss aċċettabbli, jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fl-istess ġranet u fl-istess ħinijiet, jew mill-website tal-Kummissjoni Elettorali https://electoral.gov.mt/Elections/ApplicationFormsMT