Nhar is-Sibt 9 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni Elettorali se tmexxi elezzjoni biex ikun elett il-kumitat tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li jikkonsisti fi ħdax-il membru.
Dan hekk kif ser isiru tlett elezzjonijiet: waħda biex ikun elett president tal-assoċjazzjoni, waħda biex ikunu eletti erba’ membri minn lista ġenerali u waħda biex ikun elett membru, liema membru jkun il-president tar-reġjun, wieħed minn kull wieħed mis-sitt reġjuni kif stabbiliti fir-Regolamenti dwar l-Assoċjazzjoni ta’ Awtoritajiet ta’ Gvern Lokali.
Kull elezzjoni ssir jekk ikun hemm aktar minn nominazzjoni waħda għal-lista presidenzjali, aktar minn erba’ nominazzjonijiet għal-lista ġenerali u aktar minn nominazzjoni waħda għal kull wieħed mis-sitt reġjuni ta’ Għawdex, tat-Tramuntana, tal-Lvant, tal-Punent, tal-Port u tan-Nofsinhar.
Fil-każ tal-elezzjonijiet għal president tal-assoċjazzjoni jew tal-lista ġenerali jistgħu jiġu nominati kunsilliera fil-kariga. Fil-każ tal-elezzjoni għall-presidenti tar-reġjuni jistgħu jiġu nominati jew residenti f’lokalità li tinsab fl-istess reġjun jew kunsilliera eletti f’xi kunsill lokali li jifforma parti minn dak ir-reġjun jew president tar-reġjun fil-kariga sad-data tal-ftuħ tan-nomini tal-elezzjoni, jiġifieri t-22 ta’ Settembru 2021.
In-nomini fil-każ tat-tliet elezzjonijiet imsemmija għandhom isiru, fil-każ tan-nomini f’Malta fl-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, u fil-każ tan-nomini f’Għawdex fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, nhar l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, 22, 23, u 24 ta’ Settembru 2021, mid-9.00am sa nofsinhar. Kull nomina trid issir fuq il-formola skedata li tista’ tinkiseb jew mill-Uffiċċju Elettorali jew mill-kunsilli lokali.
Jistgħu jivvutaw f’din l-elezzjoni l-kunsilliera kollha fil-kariga u għandhom jivvutaw fuq tliet poloz tal-votazzjoni, waħda għall-kandidati tal-lista presidenzjali, waħda għall-kandidati tal-lista ġenerali u oħra għall-kandidati tal-lista reġjonali konċernata. Il-votazzjoni hija bis-sistema proporzjonali bl-użu tal-vot wieħed trasferibbli skont il-preferenzi.
Il-kunsillieri jivvutaw fl-uffiċċju tal-kunsill lokali tagħhom nhar is-Sibt id-9 ta’ Ottubru 2021 bejn it-8.00am u l-11.00am, iżda dawk il-kunsilliera li jiddikjaraw bil-miktub u bil-ġurament għand il-Kummissjoni Elettorali sa nofsinhar tal-Ġimgħa 1 ta’ Ottubru, li ser ikunu msiefra jew rikoverati fi sptar fid-9 ta’ Ottubru, ikunu jistgħu jivvutaw fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru bejn it-8.00am u l-11.00am. Kull votant irid jippreżenta l-karta tal-identità tiegħu.
Fir-rigward tar-Reġjun ta’ Għawdex, is-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali Għawdxin għandhom jikkonsenjaw il-poloz tal-votazzjoni ssiġillati flimkien mad-dokumenti kollha tal-elezzjoni fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, ir-Rabat, Għawdex, eżatt wara li jagħlaq il-ħin tal-votazzjoni fil-11.00am tad-9 ta’ Ottubru 2021.