F’operazzjoni konġunta bejn it-Taqsima tal-Infurzar tad-Dwana u l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, ġew elevati 318,640 sigarett tal-kuntrabandu minn karozza u 3 garaxxijiet f’Ħal Qormi.
L-Erbgħa filgħodu, l-uffiċjali tad-Dwana segwew karozza li telqet minn Ħal Qormi u talbu l-assistenza tal-Pulizija biex jinterċettaw il-vettura.
Il-karozza twaqqfet f’Ħal Għaxaq u t-tfittxijiet irriżultaw fi kważi 90,000 sigarett.
Ir-raġel ġie arrestat u komplew it-tfittxijiet f’żewġ garaxxijiet u fi stabbiliment tax-xorb.
Irriżulta li l-maħżen tal-istabbiliment huwa ta’ żewġt irġiel li għandhom rabtiet mal-arrestat, u dan wassal lill-Pulizija biex skoprew kważi 230,000 sigarett ieħor.
Iż-żewġ sidien tal-istabbiliment tax-xorb ukoll ġew arrestati u qed jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
It-taxxi mis-sigaretti elevati – kemm mill-vettura u mill-garaxxijiet – jammontaw għal €73,768 ewro.