Għall-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista li qed isiru llum daħlu 48 nominazzjoni biex jimtlew seba’ siġġijiet parlamentari wara li Deputati telgħu minn żewġ distretti.
Il-Partit Nazzjonalista ma daħħalx fil-ħin liema distretti kellhom iċedu d-Deputati tiegħu u għalhekk l-elezzjonijiet każwali qed isiru llum u ttardja l-proċess biex jiġi ffurmat il-Parlament kollu.
L-istatut tal-Partit Nazzjonalista wkoll ħoloq konfużjoni wara li hemm verżjonijiet differenti fuq liema distrett iridu jċedu d-Deputati Nazzjonalisti.
Fil-fatt stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem l-ewwel qalet li kandidat li jiġi elett minn żewġ distretti għandu jċedi s-siġġu f’dak id-distrett fejn ġab l-anqas persentaġġ ta’ voti f’dak l-għadd li fih ikun ġie elett iżda madwar siegħa wara, l-istess partit biddel il-verżjoni u qal li l-fatt kandidat għandu jċedi s-siġġu f’dak id-distrett fejn ġab l-inqas persentaġġ ta’ voti fl-ewwel għadd bħala persentaġġ tal-kwota distrettwali.
F’dawn l-elezzjonijiet każwali saru wkoll manuvri hekk kif Janice Chetcuti ddeċidiet li ma toħroġx għall-elezzjonijiet każwali għaliex qalet li taf li se titla’ bil-mekkaniżmu favur iżjed rappreżentanza ugwali fost is-sessi fil-Parlament.
Din il-mossa ġiet kritikata mill-Women’s Lobby hekk kif intqal li ntilef ċans li mara oħra tiġi eletta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
TIELET DISTRETT
Siġġu ċedut minn Stephen Spiteri – Elett Carmelo Mifsud Bonnici
ĦAMES DISTRETT
Siġġu ċedut minn Bernard Grech – Elett Stanley Zammit
SEBA’ DISTRETT
Siġġijiet vakati minn Ryan Callus u Adrian Delia – Eletti Rebekah Cilia u Charles Azzopardi
DISA’ DISTRETT
Siġġijiet vakati minn Joe Giglio u Robert Arrigo – Eletti Karol Aquilina u Graziella Attard Previ
GĦAXAR DISTRETT
Siġġu ċedut minn Mark Anthony Sammut – Elett Graham Bencini