L-avukat Kanadiż Fra John Dunlap ġie elett bħala l-81 Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, magħrufin ukoll bħala l-Kavallieri ta’ Malta.
Dunlap huwa l-ewwel Granmastru tal-Ordni ta’ Malta li ġej mill-kontinent Amerikan.
Dunlap ġie elett f’elezzjoni li saret l-Erbgħa f’Villa Malta, f’Ruma u li fiha vvutaw 99 persuna minn 18-il pajjiż differenti. Fosthom kien hemm il-Markesino Daniel De Petri Testaferrata, bħala l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovran ta’ Malta.
Skont il-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ordni, li ġiet ippreżentata fl-aħħar xhur, Dunlap li għandu 66 sena, ġie elett fil-kariga ta’ Granmastru għal perjodu ta’ għaxar snin.
Dan ifisser li huwa l-ewwel Granmastru fl-istorja li m’għandux terminu sal-aħħar ta’ ħajtu.
Dan it-tibdil sar wara li, is-sena l-oħra, il-Papa Franġisku xolja t-tmexxija tal-Ordni ta’ San Ġwann biex ikun hemm riforma fi ħdan dan l-Ordni reliġjuż.
L-Ordni ta’ San Ġwann kien jiggverna lil Malta bejn l-1530 u l-1798.