Fi Brussell il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi ippreżenta l-prioritajiet ta’ Malta fil-qasam tal-ġustizzja waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
L-għan ewlieni ta’ pajjiżna se jkun li ċ-ċittadin ikun fiċ-ċentru tax-xogħol imwettaq mill-Ministri Ewropej responsabbli minn dan il-qasam.
Il-Ministru qal li l-Presidenza Maltija se tisħaq ħafna fuq żewġ proposti li se jneħħu xkiel fejn jidħol il-bejgħ tal-kontenut diġitali, u fejn jidħol il-bejgħ ta’ oġġetti online. Dawn huwa żewġ oqsma relevanti ferm, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għal dawk fin-negozju, fakkar Bonnici.
Waqt il-Presidenza Maltija se tibda wkoll ħidma dwar għodda li se tgħin negozji onesti bi problemi finanzjarji jsibu triq ‘l quddiem.
Dan minbarra ħidma fuq il-protezzjoni ta’ individwi fejn jidħol l-iproċessar ta’ data personali minn istituzzjonijiet Ewropej, u minbarra li se tingħata t-teħid ta’ deċiżjoni minn naħa tal-Kunsill Ewropew dwar il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Fuq l-aġenda wkoll hemm proposti relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, mal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u elaborazzjoni dwar sistema Ewropea ta’ data dwar persuni kriminali.
Il-Ministru Bonnici ddeskriviha bħala aġenda li toffri sfida, madanakollu qal li jinsab konvint li se jsir progress li minnu jgawdu ċ-ċittadini u s-soċjetajiet li jgħixu fihom.