L-Aġenzija tal-Vittmi tal-Kriminalità, li l-għan aħħari tagħha huwa li tkun hemm għall-vittmi li għaddew minn jew esperjenzaw xi tip ta’ kriminalità f’ħajjithom b’riżultat li affetwathom b’mod negattiv, għalqet sentejn minn mindu twaqqfet.
Dan tħabbar f’konferenza tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ fejn fiha l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia rrimarka l-ħidma sfieqa ta’ din l-Aġenzija favur il-vittmi tal-kriminalità.
Ma’ One News, Farrugia ta elenku tax-xogħol li għamlet l-Aġenzija fl-aħħar sentejn fosthom fejn ġew mgħejjuna mat-3,000 vittma li kienu esposti għal xi tip ta’ kriminalità.
Qal, “F’dawn l-aħħar sentejn rajna ’l fuq minn 3,000 vittma tal-kriminalità. Kellna wkoll sistema ta’ kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn fejn aħna rċivejna ’l fuq minn 1,800 riferta u wkoll għaddejna lura 700 riferta. Nagħmlu dan l-approach biex nevitaw dupplikazzjoni tas-servizz kif ukoll naraw li nagħtu l-aħjar servizz lill-vittmi tal-kriminalità.”
Farrugia rrimarka wkoll l-aktar tipi ta’ kriminalità li ħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi li ġew f’kuntatt mal-Aġenzija fl-aħħar sentejn.
Qal, “Sa issa jidher li inġenerali, l-iktar crimes għoljin li rajna kienu l-vjolenza domestika segwit minn frodi u serq. Bażikament is-servizz qiegħed hemm miftuħ għal kulħadd, bla ħlas u jingħata b’mod kunfidenzjali ħafna. L-iskop huwa li kemm jista’ jkun ngħinu lill-vittma tirkupra mit-tbatijiet u tikseb lura kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Farrugia elenka wkoll is-servizzi li toffri l-Aġenzija.
Qal, “Fost is-servizz li qed noffru, noffru s-sapport emozzjonali, akkumpanjamanet il-Qorti, informazzjoni u aġġornament fuq ir-rapporti li jsiru mal-Pulizija u gwida legali.”
Intant, il-Gvern ħabbar kif servizz ġdid li toffri din l-aġenzija se jkun dak ta’ linja nazzjonali ġdida għall-vittmi tal-kriminalit.
Din se tibda topera mill-ewwel ta’ Mejju li ġej kuljum bejn is-07:30 sa 19:30.
In-numru ta’ din il-linja nazzjonali huwa 116 006.