Huwa element pożittiv li Malta kisbet dawn il-fondi mill-Unjoni Ewropea li se jwittu t-triq għas-snin li ġejjin u jgħinuna niġġieldu anki l-effetti negattivi tal-pandemija.
Dan qalitu l-ekonomista Stephanie Fabri meta ma’ ONE News tkellmet dwar kif issa li pajjiżna kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro, id-diskussjoni għandha taqa’ fuq il-mod kif dawn se jinfirxu.
Dr Stephanie Fabri sostnien li Ovvjament huwa element pożittiv li Malta ġabet ammont sostanzjali ta’ fondi mill-UE. Issa l-isfida hi kif se nużawhom. Id-diskussjoni issa se taqa’ hemmhekk biex kulħadd jibbenfika minnhom.
Hawnhekk innutat b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern ħaseb f’diversi oqsma li se jingħataw dik l-injezzjoni meħtieġa.
Fabri tenniet li mhux setturi li huma relattivament moderni se jgawdu minnhom imma anke setturi tradizzjonali, bħal per eżempju s-settur tal-manifattura u tat-turiżmu.
Dr. Fabri semmiet ukoll l-importanza li wieħed jaħseb dwar impatt pożittiv fit-tul ta’ dan il-finanzjament Ewropew.
Spjegat ukoll li rridu naraw li jkun hemm pjan fit-tul biex l-investiment isir għall-benefiċċju ta’ kulħadd u tat-tkabbir ekonomiku fit-tul. Għalhekk semmejna investiment fis-sistema edukattiva, biex naraw l-ekonomija ta’ għada kif se tidher u kif se nippreparaw l-istudenti tal-lum għall-ekonomija ta’ għada.
Dan, qalet Fabri, idur wara l-kunċett li Malta taħdem biex tibqa’ ġuriżdizzjoni kompetittiva fil-lenti Ewropea.
Huwa fatt li fl-aħħar snin l-ekonomija tal-iżgħar stat memrbu Ewropew kienet fost l-aktar kompetittivi u fost l-aktar li esperjenzat tkabbir kostanti, tant li l-impatti negattivi tal-Covid-19 fuq Malta se jkunu anqas minn dawk fuq pajjiżi oħra.
Iżda apparti dan, Dr Fabri semmiet fattur ieħor kruċjali li poġġa lil Malta f’pożizzjoni vantaġġjuża.