Id-Deputati Nazzjonalisti Ivan Castillo u Mark Anthony Sammut sabu tad-daħk il-fatt li hemm minn sħabhom fil-Partit li jridu jew ġieli staġnaw apposta t-traffiku fil-pajjiż. Dan bil-għan li jkomplu jfixklu lill-ekonomija nazzjonali u l-isforzi tal-Gvern favur iċ-ċittadini kollha.
Meta, f’konferenza tal-PN, staqsejnihom jekk jikkundannawx dan l-aġir irresponsabbli ta’ min qal jew jagħmel hekk, Castillo u Sammut irreaġixxew b’dan il-mod …
Ġurnalist: “Il-Partit Nazzjonalista laqa’ suġġeriment li jiġi ġġamjat it-traffiku fil-pajjiż qegħdin on record tgħiduha anke l-kollega tiegħek qal li ġieli għamilha … ma tikkundannahx dan?”
Ivan Castillo: “Illum il-ġurnata bla dubju, bla dubju, bla dubju …”
Ġurnalist: “Mhix xi ħaġa tad-daħk.”
Ta’ min ifakkar kif, il-ġimgħa li għaddiet, fuq ir-radju tal-PN kien hemm suġġeriment biex in-nies iwaħħlu apposta t-traffiku u li ġie milqugħ mill-preżentatur Simon Cassar, li wkoll jaħdem fl-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Preżentatur: “Eħe, qed jgħiduli hemm ħafna telefonati, imma ovvjament mhux se jirnexxielna ndaħħluhom kollha, aktar ma żżommu fil-qosor aktar aħjar. Insellmulek.”
Semmiegħ: “Joe mis-Swatar. Ħa ngħidlek waħda, jiena nagħti parir li niġġamjaw it-traffic, għax dik darba għamilnieha l-Marsa u rnexxiet kienet. Bellahnihom meta żammejna t-traffic.”
Preżentatur: “Grazzi Sinjur tas-suġġeriment tiegħek.”
ament dwar dan is-suġġeriment li sar fuq ir-radju tal-partit tiegħu stess, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ftaħar li hu ħareġ kemm-il darba jwaħħal lin-nies fit-traffiku.
Ġurnalist: “Ċempel fuq ir-radju tal-PN u qal li ssuġġerixxa li Malta għandhom joħorġu n-nies fit-toroq u jiġġamjaw it-traffiku apposta u l-preżentatur laqa’ dan is-suġġeriment ukoll, mhux ħsara, imma, din?!”
David Agius: “Ġieli għamiltha jien ukoll.”
Waqt l-istess konferenza tat-Tlieta filgħodu, kompla anke joħroġ biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista hu nieqes u xott mill-ideat għal dan il-pajjiż, għax, fl-istess waqt li qed jgħidu li jridu jistaġnaw it-traffiku, Ivan Castillo qal hekk …
“Jien nħalli f’idejn il-Partit Laburista u Robert Abela biex isolvi din il-problema.”
Ivan Castillo, Deputat tal-PN
Sadanittant, din il-konferenza saret quddiem il-binja ta’ Transport Malta, fejn id-deputati Nazzjonalisti għamlu akkużi li ġew miċħuda mill-awtorità nnifisha.
Transport Malta, fi stqarrija, qalet li tirrifjuta kull akkuża ta’ diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema tagħha u tikkonferma li qed timxi mal-liġijiet kollha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tal-impjieg. Irrifjutat ukoll, bl-aktar mod b’saħħtu, kull akkuża li qed tinkiser il-liġi ta’ equal work for equal pay. Anzi kkonfermat li dan il-prinċipju qed jiġi osservat f’kull ċirkostanza.
L-awtorità qalet li, fl-2024, ikkonkludiet ftehimiet kollettivi li saħħew ħafna l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll id-dritt li kulħadd jiġi stmat indaqs fi ħdanha. Dan hu rifless ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema tal-kuntratturi.
Saħqet li hu ċar li l-kelliema Nazzjonalisti mhumiex informati bir-riformi li qed isiru, inkluż fil-mod kif iseħħu interviews interni u esterni, biex jassiguraw ugwaljanza fil-mod kif iseħħu promozzjonijiet kif ukoll impjiegi ġodda mal-Awtorità.
L-istqarrija temmet tgħid li Transport Malta ma tidħolx fi kwistjonijiet partiġġjani, anzi hi sfortuna li tispiċċa suġġett ta’ konferenza stampa partiġġjana li titkellem fuq issues li mhumiex veritieri.