Jake Dalli Balzan ta’ 21 sena mill-Fgura ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li ġie mixli bil-każ ta’ bbuljar fuq tfajla ta’ 15-il sena.
Il-każ, li wkoll intuża mill-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi biex jagħmel kapital politika, ra żvolta kbira hekk kif, fl-aħħar jiem, il-Pulizija ressqet lit-tfajla nnifisha quddiem il-Qorti tal-Minuri u akkużata b’rapport falz.
It-tfajla, li kkonfermat li ħolqot profili foloz fuq Instagram, wieġbet li mhux ħatja għall-akkużi.
Oriġinarjament, missier it-tfajla kien fetaħ rapport fl-Għassa ta’ Birżebbuġa wara li bintu, li nqabdet tisraq il-flus ta’ qrabatha, qalet li kienet qed tiġi mhedda u mitluba l-flus kemm l-iskola u anke fuq Instagram.
Il-vittma kienet qalet li, fl-iskola, kienet mhedda b’mus u, għalhekk, kienet ilha ma tattendi għal-lezzjonijiet minn Novembru li għadda.
B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, f’seduta l-Ħamis filgħodu, il-Maġistrat Kevan Azzopardi laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Jake Dalli Balzan bil-kundizzjoni li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa l-għassa kif ukoll jagħmel depożitu ta’ elfejn ewro, flimkien ma’ garanzija personali ta’ tmintax-il elf ewro.
Dan filwaqt li ġie ordnat ma jkellimx lit-tfajla.