Eks suldat Ingliż, Daniel Khalife ta’ 23 sena, li s-sena l-oħra ħarab minn ħabs f’Londra u qanqal tfittxija li damet tlett ijiem sħaħ, instab ħati li spijja għall-Iran.
Khalife ġie arrestat għall-ewwel darba f’Jannar tal-2022 fl-Ingilterra u l-Ħamis instab ħati f’ġuri li kiser il-Liġi Uffiċjali tas-Sigrieti tal-Istat billi ġabar u għadda informazzjoni sensittiva lis-servizzi sigrieti Iranjani.
Minkejja dan, ma nstabx ħati ta’ akkuża oħra, dik li għamel rapport falz ta’ bomba fil-bażi militari fejn kien stazzjonat.
Il-prosekuzzjoni fil-każ f’Woolwich Crown Court f’Londra qalet li Khalife lagħab logħba ċinika billi talab li jsir spijja wara li wassal ammont sostanzjali ta’ materjal ikklassifikat u ristrett lill-Iran, li kien jinkludi ismijiet ta’ uffiċjali tal-Forzi Speċjali.
Skont il-prosekuzzjoni, Khalife kellem intermedjarju assoċjat mal-Iran billi bagħatlu messaġġ fuq Facebook u qallu li hu ħa jibqa’ undercover fl-armata Britannika għal aktar minn 25 sena jaħdem għalihom.
Khalife ammetta li kien f’kuntatt ma’ impjegati tal-Gvern Iranjan, iżda qal li dan għamlu biss biex, fl-aħħar mill-aħħar, jaħdem bħala double agent favur ir-Renju Unit. Hu qal ukoll li dan il-pjan ħareġ bih wara li ra thriller Amerikan bl-isem ta’ ‘Homeland’.
L-avukat tad-difiża qal li l-klijent tiegħu jixbah aktar lil ‘Scooby Doo’ milli xi ‘007’.
Khalife mistenni jingħata s-sentenza kmieni s-sena d-dieħla.