L-eks spija Amerikana tas-CIA, Valerie Plame, ħabbret li mistennija żżur pajjiżna u pajjiżi oħrajn fil-Mediterran biex tiddiskuti t-theddida tal-armi nukleari fid-dinja.
Plame, li ġiet ingaġġata mis-CIA eżatt wara li ggradwat, ħadmet bħala spija f’numru ta’ pajjiżi fuq programmi top-secret biex tevita li pajjiżi totalitarji jakkwistaw armi nukleari.
Iżda dak waqaf fl-2003 meta l-amministrazzjoni ta’ George W. Bush żvelat l-identità sigrieta tagħha b’ritaljazzjoni għal artiklu miktub minn żewġha Joe Wilson. Fl-opinjoni, intitolata ‘What I did not find in Africa’, Wilson kien qal li ma kien hemm l-ebda prova li l-Iraq xtara l-uranju min-Niġer … xi ħaġa li Bush kien użaha bħala ġustifikazzjoni biex jinvadi lill-Iraq f’dik l-istess sena.
Ir-rwol undercover ta’ Plame intemm u hi kienet trasferita għall-kwartieri tas-CIA f’impjieg wara skrivanija, iżda telqet ftit wara.
L-istorja tagħha nbidlet ukoll fi ktieb u film ta’ Hollywood bl-isem ta’ ‘Fair Game’ fl-2010 fejn l-attur Sean Penn u l-attriċi Naomi Watts ħadmu l-partijiet prinċipali.
Wara dan iż-żmien, Plame temmen li l-kwistjoni tan-nukleari fid-dinja ma tantx trażżnet u l-interess tagħha fil-ġlieda kontra l-armi tal-qerda tal-massa ma ntemmitx.
Hi diġà kitbet żewġ kotba ta’ spjunaġġ u ħolqot anke dokumentarju bl-isem ta’ ‘Countdown to Zero’ biex tippromwovi l-attività tagħha, u llum Plame ta’ 61 sena qed iddur diversi postijiet titkellem dwar it-theddida reali tal-armi nukleari b’konferenzi msemmijin ‘Spies, Lies and Nukes’.
U s-sena d-dieħla se ddur abbord bastiment fil-Mediterran b’konferenzi f’Malta, fil-Greċja u fit-Turkija, fost l-oħrajn.