L-eks Spettur tal-Pulizija Anthony Scerri spjega li l-inizjattiva dwar is-searches fl-inkjesta tal-isptarijiet kienet dejjem dik tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-prassi kienet li, wara seduti fl-inkjesta, il-Maġistrat kienet tgħajjatlu u tgħidlu biex jikkordina tfittxijiet f’postijiet partikolari, kif ġara meta personalment ordnat li ssir search fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Waqt li l-Ħamis filgħodu saret seduta oħra minn kawża li fetaħ Dr Muscat stess, ħareġ ukoll li, meta kienu jsiru s-searches, it-tiftix kien isir mill-esperti barranin u l-Pulizija Maltija kienet biss tpoġġi l-affarijiet li kienu jinġabru fil-boroż u tissiġġillahom.
Meta saret is-search fid-dar ta’ Dr Muscat, tnejn mill-esperti barranin preżenti kienu Sam Sittlington u Andy Coles, li wara l-inkjesta bdew ixolju l-kumpaniji tagħhom, kif żvelat minn ONE News fl-aħħar jiem.
Dwar din is-search f’Burmarrad, li damet għaddejja bejn is-7:00 ta’ filgħodu u nofsinhar, l-eks Spettur Scerri żied li, f’ħin minnhom, kien informat li kien hemm persuna ftit ’il bogħod li kienet qed tiġbed ir-ritratti bil-mowbajl.
Meta mar ikellem lill-persuna, irriżulta li kien Jacob Borg, ġurnalist tat-Times. Scerri qal li ordnalu biex jiċċaqlaq minn fejn kien.
L-istess tfittxija kienet ippjanata proprja għat-18 ta’ Jannar tal-2022, iżda kellha tiġi posposta għall-għada, għax, fi kliem l-eks Spettur, kien hemm leaks mill-inkjesta, bl-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, ixerred l-informazzjoni fuq il-midja soċjali.
Mistoqsi jekk saritx xi inkjesta dwar tali leaks, l-eks Spettur wieġeb li, safejn jaf hu, ma sar xejn.
Kien spjegat li qabel kull search kienet issir laqgħa qasira, iżda fil-maġġoranza tad-drabi l-esperti barranin ma kinux jinformaw lill-Pulizija Maltija dwar ir-raġunijiet jew x’kienu se jmorru jfittxu.
L-esperti barranin kienu jingħataw direzzjoni mingħand il-Maġistrat Gabriella Vella, qal Scerri, waqt li żied li l-Pulizija Maltija ma kellha viżibilità ta’ xejn u ebda involviment fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-inkjesta.
Il-Pulizija kienu jkunu involuti biss biex iħarrku lin-nies u biex jikkordinaw ħalli jsiru s-searches. Ġaladarba l-evidenza miġbura waqt is-searches kienet tittieħed il-Qorti, il-Pulizija ma kienet tkun taf xejn dwar ir-riżultati li seta’ jkun hemm.
Xhud ieħor il-Ħamis kien il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, li qal li kull azzjoni mill-Pulizija b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet, qatt ma saret jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Maġistrat Vella.
Gafà tenna li kien hemm drabi fejn il-Korp ingħata direzzjoni mill-Maġistrat, iżda kien hemm oħrajn fejn baqgħu bla tweġiba.
Il-Kummissarju kkonferma li t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi u t-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus jinstabu fl-istess bini u jikkordinaw bejniethom taħt Assistent Kummissarju wieħed.