L-eks Segretarju Permanenti Ronald Mizzi qed ifittex għad-danni lil wieħed mill-esperti b’rabta mal-Inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Mizzi fetaħ proċeduri ġudizzjarji fil-konfront ta’ Jeremy Harbinson u l-kumpanija Harbinson Forensics Limited, li tqabbdu biex jgħinu fl-inkjesta, li swiet aktar mal-għaxar miljun ewro.
L-avukati ta’ Mizzi sostnew li r-rapport tal-espert hu mimli żbalji fattwali u anke selettiv fil-ġabra tal-evidenza.
Din hi l-istess inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li damet madwar ħames snin biex tlestiet u għaddiet għand l-Avukat Ġenerali proprju fil-jum li fih infetħu n-nomini għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Xhieda ta’ espert ieħor, Samuel Sittlington, ukoll kienet taħt skrutinju fl-aħħar seduti taż-żewġ kawżi li nfetħu bbażati fuq l-istess inkjesta.