Grace Gatt, eks pulizija rebħet każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem wara li skont din il-Qorti ma ngħatatx smigħ xieraq qabel tkeċċiet mill-korp minħabba li quddiem Qorti Maltija nstabet ħatja ta’ frodi u rikatt fuq persuna.
Grace Gatt u Lourdes Castillo, żewġ pulizija kienu offrew is-servizzi tagħhom ta’ investigaturi privati lil John Attard li talabhom isusu fuq mara li kien interessat fiha.
Fil-Qorti Maltija rriżulta li Gatt u Castillo ma kellhomx liċenzja biex jaħdmu ta’ investigaturi privati.
Intqal li Gatt u Castillo vvintaw storja li Attard bagħat messaġġi provokattivi lil tifla u rrikattawh li għandu jagħti flus lil omm il-persuna taħt l-età biex din iżżomm ħalqha magħluq.
Attard kien ta €64,000 lil Gatt u Castillo biex suppost jagħtuhom lil omm it-tifla.
Gatt u Castillo anki qalu lil Attard li jeħtieġ jagħti flus lis-superjuri tiegħu fuq ix-xogħol għaliex saru jafu bil-każ u kien qed jirriskja li jitkeċċa mix-xogħol.
Attard kien ta €140,000 oħra lil Gatt u Castillo biex dawn suppost ixaħħmu lis-superjuri t’Attard.
Il-Qorti emmnet il-verżjoni t’Attard u sabet ħatja lil Gatt u Castillo bi frodi u rikatt.
Fl-istadju t’appell, il-Qorti kkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti jiġifieri sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għall-erba’ snin u rifużjoni ta’ €230,000 lir-raġel.
B’rabta ma’ dan il-każ, fl-2006 Gatt kienet tkeċċiet anki mill-Korp iżda hi deherilha li t-tkeċċija tagħha kienet inġusta u ħadet il-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Hija rebħet €25,000 f’danni.